Lokali Qorti

Miċħud appell fuq serq ta’ mobile fuq diversi fatturi

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima ċaħdet appell ta’ Mario Campolo, Taljan ta’ 51 sena li ilu snin jgħix Malta u kkonfermat sentenza ta’ 18-il xahar ħabs wara li f’Jannar li għadda kien ammetta li seraq mobile minn stabbiliment tal-ikel. Huwa kien akkużat ukoll u ammetta li sar reċidiv.

Huwa appella għax qal li l-piena ta’ sempliċi serq ta’ mobile f’Diċembru tal-2023 kienet ħarxa, bil-Qorti ma taqbilx u tgħid li l-piena mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati kienet waħda fil-parametri tal-liġi. L-imputat kien inqabad mill-cameras tas-sigurtà, jidħol fl-istabbiliment u jordna xi ħaġa tal-ikel, li lanqas kellu biżżejjed flus għal din ix-xirja.

Il-Qorti tal-appell qalet li l-fatt li ammetta serq aggravat, li sar reċidiv, il-fatt li m’għandux mezzi biex imantni lilu nniffsu, la għandu familja f’Malta, li jinsab marid u l-biża’ li jikkommetti reat ieħor, huwa aħjar għalih li jkompli jieħu l-kura fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Pulizija qalu li meta ġie interrogat, Campolo ammetta li pprova jbigħ il-mobile misruq il-Belt. Fl-awla iżda qal li ma jiftakarx li qal dan il-kliem. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li Campolo għandu l-vizzju tad-droga, u naqas milli jħares kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti f’każijiet oħra.

Filwaqt li wera x-xewqa li jixtieq jeħles mill-vizzju tad-droga għax iddejjaq jgħix din il-ħajja u li għadda minn ħafna saram, inkluż il-mewt ta’ ibnu ta’ 12-il sena, Campolo wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, għalkemm aktar tard fil-proċeduri ammetta.

L-Avukat Yanica Barbara Sant ma kenitx talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tagħha minħabba l-problema tad-droga u l-kundizzjoni medika severa tal-akkużat. Waqt il-preżentata, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet ordnat li l-imputat jingħata l-kura medika meħtieġa, flimkien ma’ kura oħra biex jegħleb il-vizzju tad-droga, waqt li jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fil-każ li nstema’ quddiem ġudikant ieħor, il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Campolo huwa reċidiv u għalhekk ikkundannatu piena effettiva. Il-Qorti tal-Appell qalet li hi setgħet tinnota li quddiemha kellha bniedem b’passat kriminoġeniku, b’diversi kundanni mogħtija fi-konfront tiegħu mill-Qrati u li ilu snin twal maħkum mill-vizzju tad-droga.

Qalet ukoll li ma jidhirx li matul is-snin huwa għaraf jindirizza din il-problema f’ħajtu tant li baqa’ jgħix il-ħajja fil-kriminalità. Illum, abbinat ma’ din id-dipendenza, l-appellant huwa bniedem maħkum minn mard serju u għandu bżonn il-kura kontinwa sabiex jgħix ħajja diċenti.

Dan jikkonfermawh ix-xhieda mismugħa mill-Qorti, u ċioè s-social worker Nicole Saliba li qed issegwih fil-ħabs u t-tabib tal-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin Dr. Chris Cremona. L-appellant jidher li qed jipprova jindirizza dawn iż-żewġ problemi kbar li għandu f’ħajtu, kemm dak tal-vizzju, kif ukoll dak li jikkonċerna s-saħħa tiegħu.

Jidher fuq kollox li f’Malta huwa ma għandux familja, billi din hija residenti fi Sqallija, sabiex toffrilu s-support li għandu bżonn. L-appellant illum huwa bniedem li ma jistax jgħix waħdu fil-komunità u dan minħabba l-problemi ta’ saħħa serji li huwa maħkum minnhom, fejn jidher li hemm bżonn ta’ kura kontinwa biex b’hekk jenħtieġ li jinżamm taħt superviżjoni medika u soċjali.

Mhux biss, iżda jidher li fil-mument li huwa jkun irrilaxxat mill-ħabs, m’għandux post f’Malta fejn jista’ jirrisiedi. Issa l-appellant irreġistra ammissjoni għall-imputazzjonijiet kollha lilu addebitati, u ċioè għar-reat tas-serq ikkwalifikat bil-valur, għal dak kontravenzjnali mfassal fl-artikolu 355AL(6) tal-Kodiċi Kirminali, minbarra r-reċidiva.

Il-piena għar-reat tas-serq ikkwalifikat bil-valur huwa dak tal-priġunerija bejn ħames xhur u tliet snin skont kif hemm maħsub fl-artikolu 279(a) tal-Kodiċi Kriminali, liema piena tiżdied bi grad jew tnejn billi l-appellant huwa reċidiv. Għalhekk, li l-piena erogata mill-Ewwel Qorti ta’ 18-il xaħar priġunerija hija waħda fil-parametri u li hija viċin il-minimu, iktar milli l-massimu tagħha ta’ ħames snin priġunerija.

Illi fiċ-ċirkostanzi partikolari li jsawru l-ħajja ta’ Campolo, il-Qorti lanqas ma tista’ tikkonsidra piena alternattiva għal dik tal-priġunerija. Ibda biex l-appellant huwa reċidiv u għalhekk huwa eskluż l-applikazzjoni tal-artikolu 28A tal-Kap.9 fil-konfront tiegħu.

Illi mbagħad bil-fatt li l-appellant lanqas għandu fejn joqgħod u lanqas għandu min jista’ jieħu ħsiebu kwindi lanqas ma jista’ jibbenefika mill-applikazzjoni tal-artikolu 7 tal-Kap.446, u dan għaliex ladarba l-appellant m’għandux mezzi biex imantni lilu nnifsu, u fid-dawl tal-fatt li huwa reċidiv u għandu d-dipendenza fuq id-droga, hemm biża’ kbira li jerġa’ jikkommetti reati ġodda.

Illi fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Qorti qalet li ma tarax li l-Ewwel Qorti eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha b’mod żbaljat billi jidher li huwa biss permezz tal-inkarċerazzjoni li l-appellant jista’ jingħata l-għajnuna u l-kura kollha li għandu bżonn.