Talba ta’ plejer tal-waterpolo għal mandat ta’ inibizzjoni biex titwaqqaf sospensjoni ta’ 12-il partita ġiet miċħuda mill-Qorti minħabba li l-plejer naqas milli juri kif se jsofri preġudizzju irremedjabbli billi jitlef il-partiti.
It-talba kienet saret mill-plaeyer tal-waterpolo ta’ San Giljan Ben Plumpton. Il-projbizzjoni ġiet imposta mill-ASA, l-awtorità regolatorja tal-waterpolo, wara rapport mill-klabb rivali Sliema li l-pleyer kien gidem żewġ plejers tiegħu waqt partita fis-17 ta’ Lulju. L-ASA oriġinarjament imponiet projbizzjoni ta’ erba’ logħbiet, li ttriplikat fl-appell.
Ben Plumpton kien ġie sospiż erba’ logħbiet u mmultat €1,000 wara li deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina sabitu ħati li gidem liż-żewġ plejers ta’ Sliema, Daniel Rizzo u Jayden Cassar. Hu appella fejn mhux biss kien hemm żieda fil-multa, imma s-sospensjoni li telgħet għal 12-il-logħba.
Plumpton ħa l-kwistjoni quddiem il-qrati ċivili fejn l-avukati tiegħu argumentaw li l-bord tal-appell tal-ASA aġixxa lil hinn mill-poteri tiegħu. L-ASA ddefendiet il-bord tagħha u sostniet ukoll li l-azzjoni ta’ Pumpton kienet prematura peress li ma kienx eżawrixxa l-mezzi kollha miftuħa għalih qabel ma ppreżenta l-mandat fil-Qorti.
Fid-digriet tagħha l-Imħallef Josette Demicoli ddikjarat li f’dan l-istadju l-Qorti ma kinitx se tidħol fil-kwistjoni dwar jekk il-bord tal-appell aġixxix lil hinn mis-setgħat u l-ambitu tiegħu. Li tagħmel hekk tkun qed tidħol il-mertu tal-każ.
Id-dritt li Plumpton stenna li jissalvagwardja u kif dak id-dritt tradott f’talbiet legali ma kien “ċar xejn,” osservat il-Qorti. Barra minn hekk, il-Qorti kienet iffaċċjata b’żewġ verżjonijiet kunfliġġenti dwar dak li ġara quddiem il-bord tal-appell.
Plumpton naqas milli jipprova li “dak li allega kien fil-fatt seħħ.” Huwa kien naqas ukoll milli juri kif it-telf tal-logħbiet fih innifsu jissarraf fi preġudizzju personali irremedjabbli, qalet il-Qorti. Filwaqt li kkwotat każistika dwar is-suġġett, l-Imħallef Demicoli osservat li l-ħtieġa ta’ inibizzjoni kienet timplika “xi ħaġa aktar minn skumdità jew diffikultà.”
L-applikant għandu jipprova dak it-tip ta’ preġudizzju li ma jistax jiġi rimedjat ħlief permezz ta’ mandat ta’ inibizzjoni. Plumpton kien naqas milli jipprova dak il-preġudizzju, qalet il-Qorti, u ċaħdet it-talba tiegħu bl-ispejjeż.
L-Avukat Herman Mula assista lill-ASA. L-avukati Charles Mercieca, Carlos Bugeja u Ismael Vella assistew lil Plumpton.
//= $special ?>