Raġel li pprova jaħrab wara li uffiċjali tal-pulizija sabuh ġewwa camper van li kien daħal fih ċaħad akkużi relatati. Wadeea Danoun ta’ 39 sena mill-Marokk tressaq taħt arrest mill-ispettur tal-pulizija Michael Vella quddiem il-maġistrat Abigail Critien it-Tlieta wara nofsinhar, mixli li daħal fi propjetà privata,
Danoun ġie akkużat b’ħsara kriminali lill-proprjetà privata u li ma obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija. Ir-raġel kien akkużat ukoll li xjentement ittratta oġġetti misruqa, peress li nstab ukoll li kien iġorr karta tal-identità u permess ta’ residenza li kien inħareġ lil xi ħadd ieħor.
Fil-Qorti ntqal li r-raġel kien ipprova jaħrab ukoll mill-pulizija. L-Avukat Thomas Barbara Sant, li jassisti lil Danoun bħala avukat tal-għajnuna legali, informa lill-qorti li l-imputat kien qed iwieġeb mhux ħati. Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba.