Lokali

Residenti Skalin jilmentaw dwar l-attitudni tal-awtoritajiet

It-teħid ta’ spazji pubbliċi minn ristoraturi lahaq livelli insostenibbli

Il-Marsaskala Residents’ Network (MRN) jinsabu rrabjati ħafna fuq il-kwistjoni tat-teħid illegali ta’ spazji pubbliċi minn sidien/operaturi ta’ stabbilimenti tal-ikel u x-xorb fir-raħal tagħhom, b’sitwazzjoni li laħqet livelli sproporzjonati dan is-sajf.

B’referenza għad-dikjarazzjonijiet riċenti maħruġa mill-Prim Ministru u xi Ministri fil-Kabinett rigward din il-kwistjoni, il-MRN stqarret ukoll kif fix-xhur li għaddew huma ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati (fosthom l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Pulizija, Il-Kummissjoni għad-Drittijiet Persuni b’Diżabbilta’ u Transport Malta), dwar abbużi li qed isiru minn stabbilimenti li jew m’għandhomx permess li jużaw l-ispazji pubbliċi u qed jagħmlu dan, jew għandhom xi tip ta’ permess għal dan l-użu imma qegħdin jabbużaw billi ma jimxux mal-permess li għandhom.

Dan wassal sabiex bankini, rampi u spazji pubbliċi spiċċaw imblukkati jew meħuda. Riżultat ta’ dan, ġew kompromessi l-aċċessibbiltà u s-sigurta’ tar-residenti, kif ukoll feġġew cirkostanzi fejn tfal qed ikunu esposti għal tipjip li jsir ma’ mwejjed ta’ stabbilimenti li invadew saħansitra l-konfini tal-playground tal-Bajja ta’ Marsaskala.

Il-MRN talbu għal-laqgħat mal-Ministri responsabbli mill-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar dwar dan, però baqgħu ma rċevew l-ebda risposta.

“Minflok hemm ix-xewqa u r-rieda biex dawn l-abbużi jitwaqqfu, is-sidien/operaturi ta’ dawn l-istabbilimenti qed jitħallew ikomplu jwettqu dawn l-illegalitajiet. Barra minn hekk, dawn qed jingħataw ukoll iċ-ċans biex japplikaw għal sanzjonar tal-irregolaritajiet li jkollhom, mingħajr ma jintalbu jneħħuhom sakemm joħroġ il-permess.”

Dan ħareġ biċ-ċar f’risposti li rċevew il-MRN mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar. “Wara diversi ilmenti li għamilna dwar stabbilimenti li qegħdin jagħmlu użu illegali mill-ispazji pubbliċi, ir-rappreżentanti tal-Awtorità tal-Ippjanar qalulna li huma jistgħu jieħdu azzjoni biss wara li tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjonijiet ta’ sanzjonar li jkunu saru mis-sidien/operaturi tal-istabbilimenti għall-irregolaritajiet li jkunu wettqu.”

Il-MRN iħossu li huwa inaċċettabbli li d-drittijiet tar-residenti, żgħar u kbar, qegħdin jiġu miksurin b’mod sfaċċat. Ministri responsabbli, u awtoritajiet u entitajiet ikkonċernati huma mistennija li jieħdu dawk il-passi neċessarji sabiex jiġu mħarsa l-linji gwida, ir-regolamenti u l-prinċipji ċiviċi.

Minflok, din is-sitwazzjoni qegħda tiġi injorata kompletament. Għaldaqstant, il-MRN huma tal-fehma li dawn l-abbużi għandhom jitwaqqfu minnufih, b’rispett lejn l-Iskalin u kull min iżur Marsaskala. 

Barra minn hekk, il-MRN iħeġġu lir-residenti Skalin li jixtiequ jgħixu f’raħal li jirrispetta l-prinċipji ta’ ġustizzja u aċċessibbiltà, ħalli jagħmlu pressjoni fuq il-membri tal-Kunsill Lokali sabiex dawn ikunu l-vuċi tar-residenti f’din il-kwistjoni, kif huwa mistenni.

Ilmenti jistgħu jintbagħtu wkoll lil xi waħda mill-Awtoritajiet konċernati (fosthom l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Pulizija, il-Kummissjoni għad-Drittijiet Persuni b’Diżabbiità u Transport Malta) fejn huwa importanti li wieħed jinkludi d-data ta’ meta wieħed jara l-irregolarità jew jesperjenza nuqqas ta’ aċċessibbiltà, l-isem tal-istabbiliment u t-triq, u idealment ritratt/i bħala prova.