Abela jgħid li hu ma kellux problemi ta’ qtugħ tad-dawl
Il-Prim Ministru Robert Abela ammetta n-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul ta’ Gvern Laburista; falliment li qed iwassal fost l-oħrajn għal qtugħ fil-provista tal-elettriku f’diversi lokalitajiet.
F’intervista mas-sit LovinMalta ppubblikata b’mod sħiħ tul il-jum tal-Ħadd, Abela stqarr li l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tad-dawl ma laħqitx mat-tkabbir ekonomiku.
Skont esperti fil-qasam, din ma fiha assolutament xejn x’tiftaħar biha hekk kif tesponi biss il-fatt li l-Gvern tal-Labour ma ppjanax b’mod strateġiku u serju… għad-dannu tal-familji Maltin u Għawdxin, u diversi stabbilimenti li għal sajf ieħor qed jintlaqtu minn din l-isfida – b’ansjeta kbira u generators fit-toroq.
Robert Abela insista li dan is-sajf kien aħjar mis-sena l-oħra għaliex ma tantx mar id-dawl daqs sena ilu, tant li ftaħar li lilu ma nqatagħlux id-dawl – iżda fl-istess waqt ammetta li x-xogħol ma lestewhx kollu u reġa’ dar għall-apoloġiji.
Wara l-intervista, ħafna irrimarkaw li f’dan l-istadju l-poplu ma jridx apoloġiji, iżda ċertezza li mhux se jkollu jarmi l-ikel tal-friża, imqar garanzija ta’ fan jaħdem u mhux biża’ li jqatta’ lejl fis-sħana, b’ristoranti jmurilhom id-dawl u telf ta’ flus.
Ta sostenn lil Roberta Metsola għax sempliċiment hi Maltija
Matul l-intervista, il-Prim Ministru kien mistoqsi fuq l-inkonsistenzi tiegħu, fost oħrajn dwar il-vot tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew ta’ Roberta Metsola – fejn minkejja ġimgħat ta’ kampanja kontra l-istess Metsola, billi fost l-oħrajn insinwa li aġevolat l-aggressjoni ta’ Iżrael fuq il-Palestinjani… Abela biddel in-narrattiva u wera s-sostenn tiegħu fil-konfront tagħha – għad-differenza tal-MEPs Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard.
Mistoqsi għalfejn għamel hekk, Robert Abela qal li vvotalha għax sempliċiment hija Maltija – dikjarazzjoni meqjusa bħala waħda intiża biex iċċekken il-kapaċitajiet ta’ Roberta Metsola.
Abela jgħid li m’hawnx iżżejjed barranin fil-catering – b’differenza għal tal-cabs u food couriers
Intant, mistoqsi fuq il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru qal li b’rabta mal-food couriers u sewwieqa tal-cabs hawn biżżejjed. Madanakollu ma kienx jaf in-numri bi preċiż fuq liema qiegħed jibbaża tali dikkjarazzjoni – fl-istess waqt u bl-istess argument skont hu m’hawnx iżżejjed barranin li jaħdmu fil-qasam tal-catering.
Abela insista li fuq il-postijiet tax-xogħol lest jintroduċi l-Intelliġenza Artifiċjali; fi kliem sempliċi r-robots, biex jagħmlu xogħol low skilled minflok ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea.
Ikomplu l-attakki fil-konfront tal-Eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat
Sfida li ġab unikament Gvern Laburista, sfida li nibtet minn ħadd ħlief issa l-Ministru Clyde Caruana meta kien fit-tmun ta’ JobsPlus – bl-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin minn aġenziji varji – biex jitħaddmu biċ-cheap labour – għaliex skont l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-Malti ma jridx jibqa’ jservi.
U b’rabta mal-Eks Mexxej Laburista, ma naqsux il-botti u l-attakki sottili fil-konfront tiegħu min-naħa ta’ Robert Abela li fl-aħħar ġimgħat kompliet teskala l-pika bejniethom.
Dan, hekk kif filwaqt li qal li l-amministrazzjoni preċedenti mexxiet tajjeb, hu stqarr li ħallietlu diversi sfidi li kellu jsolvihom hu – fosthom il-greylist u l-moneyval.
//= $special ?>