Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq traffikar ta’ cannabis għal persuna vulnerabbli li qabad it-triq it-tajba

Raġel ta’ 32 sena kellu s-sentenza ta’ sitt xhur ħabs effettiva mibdula għall-istess terminu ta’ piena imma sospiża għall-perjodu ta’ sentejn mill-Imħallef Edwina Grima talli ttraffika d-droga cannabis fil-Higher Secondary, tan-Naxxar.

Il-Qorti qalet li mid-dokumenti u x-xhieda jirriżulta li Gary Falzon għandu storja ta’ abbuż ta’ droga. Dan magħdud, madanakollu, jidher li finalment għaraf il-bżonn li jegħleb il-vizzju tat-tossikodipendenza. Hu
qed jikkopera bis-sħiħ fil-programm ta’ riabilitazzjoni għalkemm jidher li għadu jagħmel użu mill-cannabis minħabba l-problemi ta’ saħħa li għandu.

Jirrizulta però, li huwa sejjer tajjeb u li għalkemm hemm ċertu vulnerabbilitajiet fil-karattru tiegħu, ma
jinsabx f’riskju ta’ rikaduta, però jinħtieġ l-għajnuna sabiex ikompli miexi ‘l quddiem. Jidher li llum il-ġurnata għandu xogħol tajjeb u stabbli, u tbiegħed mill-ħajja tal-kriminalità.

Gary Falzon instabt ħati li bejn Awwissu 2011 u t-2 ta’ April 2012, ittraffika l-cannabis u kkommetta r-reat f’distanza ta’ 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Fid-9 ta’ Mejju 2022 huwa nstab ħati tal-ewwel akkuża u kien ikkundannat sitt xhur ħabs u mmultat €1,000.

Huwa appella, bl-Imħallef Grima kkunsidrat it-talba tiegħu biex tqis il-fatt li huwa kien dipendenti fuq id-droga. Fil-provi ttieħdet kunsiderazzjoni stqarrija li ta raġel li fiha dan qal li huwa ftiehem ma’ Falzon biex jittraffikaw id-droga.

Dan sar kemm fl-imsemmija skola kif ukoll fl-inħawi ta’ Paceville. L-Imħallef Grima qalet li hija temmen il-verżjoni ta’ dan ix-xhud u kkonfermat il-ħtija tat-traffikar tad-droga. Fl-istess waqt, laqgħet it-talba biex tikkunsidra l-vizzju tad-droga li għandu.

Hija rrimarkat li huwa jidher li għaraf il-bżonn li jegħleb il-vizzju u għamel programm ta’ rijabilitazzjoni. Il-Qorti kkonfermat il-multa ta’ €1,000. Il-Qorti wissiet lil Falzon bil-konsegwenzi skont il-liġi jekk huwa jikkommetti reat ieħor matul il-perijodu operattiv ta’ din is-sentenza.