Internazzjonali

Stati Uniti: Tim Walz hu l-kandidat Demokratiku għar-rwol ta’ Viċi-President

Il-Viċi-President Amerikan Kamala Harris, li, f’Novembru, se tikkuntesta għall-Presidenza ta’ pajjiżha għan-nom tal-Partit Demokratiku, għażlet lil Tim Walz bħala r-running mate tagħha…Dan ifisser li Walz, il-Gvernatur ta’ Minnesota, se jkun qed jikkuntesta għar-rwol ta’ Viċi-President tal-Istati Uniti fuq l-istess tikketta tad-Demokratiċi.

Walz hu wkoll eks-għalliem fi skola għolja u l-ewwel konferma tiegħu bħala s-sieħeb ta’ Harris fl-elezzjoni tħabbret mill-Istazzjon CBS News.

Intant, il-partitarji Demokratiċi huma fiduċjużi li Harris se jirnexxilha tegħleb lill-eks President Donald Trump,  il-kandidat tal-Partit Repubblikan, fit-tellieqa għall-White House.

Min-naħa tiegħu, Tim Walz hu magħruf mal-Amerikani bħala politiku li qatt ma żamm lura mill-kritika ħarxa għal Donald Trump u JD Vance; ir-Repubblikan li qed jittama li. ‘il quddiem, jiħaq Viċi-President ta’ pajjiżu.

Iżda fuq kollox, id-Demokratiċi, issa, qed jittamaw li Walz, bl-istil konservattiv tiegħu, jirnexxilu jkattar l-appoġġ għall-partit fost il-votanti indipendenti u oħrajn li ‘jemmnu fl-importanza tat-tradizzjonijiet Amerikani’.

Intant, Kamala Harris, fl-aħħar sigħat, kienet mistennija tintroduċi uffiċjalment lil Tim Walz bħala s-sieħeb tagħha fl-elezzjoni waqt avveniment fil-belt ta’ Philadelphia…Dan qabel huma t-tnejn jibdew sensiela ta’ żjarat fl-Istati Amerikani li mistennija jkunu deċiżivi għar-riżultat finali tal-elezzjoni.