Kunsilli Lokali Lokali

“Vilment ħallewni barra!” – tikber il-qasma fil-Kunsill Lokali tal-Belt

Il-kunsillier Laburista Alfred Zammit reġa’ nfexx fuq il-midja soċjali biex jattakka lill-amministrazzjoni tal-Kunsill Laburista li ħalliet ismu nieqes mil-lista ta’ kunsillieri eletti fl-aħħar elezzjoni.

Fuq Facebook, Zammit qal li ismu u r-ritratt tiegħu tħalla barra vilment. Dan minkejja li hu ġie elett mill-poplu Belti.

“Hawn min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid u jikkalpesta kull dritt demokratiku”, sostna l-Eks Sindku Laburista li spiċċa vittma tal-magna ta’ Kastilja. Biex fl-aħħar elezzjoni, ġie elett Olaf McKay bħala Sindku.

Dan kollu seħħ fl-istess ġimgħa li fiha sar magħruf li wara 24 sena bil-programm Kalamita, Alfred Zammit issa telaq mis-Super One. Din l-aħbar kienet ilha żmien iddur fiċ-ċrieki li huma involuti f’dan is-settur, iżda issa huwa konfermat li Zammit ħa deċiżjoni finali. Tant li l-programm tiegħu se jibda jsir fuq stazzjon ieħor.

L-Eks Sindku tal-Belt insista li fis-Super One kien hemm nies li ma kenux kuntenti bih – dan mingħajr ma semma’ ebda ismijiet.

Dan huwa dak li kiteb Alfred Zammit fuq Facebook

Huwa tal-Mistħija kif l-Amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta kontra kull Etika u rispett lejn id-Demokrazija, fil-Website uffiċjali tal-Kunsill Lokali VILMENT ħalliet barra ismi u ritratt tiegħi bhal kulhadd u meta jien ġejt Elett mill-Poplu Belti.

Lili min illum jixtieq l-id tal-ħbiberija b’dawn l-intriċċi jkompli jsaħħaħni u jikkonfermali kemm għandi raġun, iżda ħaġa ċkejkna iżda importanti bħal din turi li hawn min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid u jikkalpesta kull dritt demokratiku.