Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, minflok fetaħ il-leġislatura b’ħidma iffukata fuq ir-residenti u favur il-belt kapitali, spiċċa mal-ewwel maħkum minn diversi kontroversji u battibekki.
Fiċ-ċentru ta’ dawn il-kontroversji hemm l-eks Sindku Laburista Alfred Zammit, illi issa, wara ħafna tkaxkir tas-saqajn, ħa l-ġurament bħala Viċi Sindku, taħt it-tmexxija ta’ Olaf McKay.
Riċentament, isem Alfred Zammit tfaċċa kemm-il darba fil-midja hekk kif ma qagħadx lura milli jikkumenta dwar dak li kien għaddej.
Hu beda mal-ewwel fuq sieq ħażina mas-Sindku preżenti hekk kif lanqas biss attenda għaċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra. Dan meta fl-aħħar ġimgħat saħaq li l-Labour ħadem kontrih matul il-kampanja elettorali sabiex ma jerġax jiġi elett bħala Sindku tal-Belt.
Ma’ Net News, qabel il-laqgħa tal-Kunsill li saret it-Tlieta, Zammit stess ikkonferma li saru telefonati kontrih mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista – xi ħaġa li ħalliet effett kbir fuqu, wara snin sħaħ jiddedika l-enerġija kollha tiegħu għal-Labour.
Intant, meta tqassmu r-responsabbiltajiet ta’ kull kunsillier li jifforma parti mill-Kunsill Lokali l-ġdid tal-Belt Valletta, Alfred Zammit ma ngħata ebda dekasteru. Filwaqt li saħansitra tħalla barra mis-sit uffiċjali tal-Kunsill Lokali.
Dan kollu seħħ fl-istess ġimgħa li fiha sar magħruf li wara 24 sena bil-programm Kalamita, Alfred Zammit issa telaq mis-Super One. Din l-aħbar kienet ilha żmien iddur fiċ-ċrieki tan-nies li huma involuti f’dan is-settur, iżda issa huwa konfermat li Zammit ħa deċiżjoni finali. Tant li l-programm tiegħu se jibda jsir fuq stazzjon ieħor.
L-eks Sindku tal-Belt insista li fis-Super One kien hemm nies li ma kinux kuntenti bih – dan mingħajr ma semma’ ebda ismijiet.