Fl-aħħar jiem, għexieren ta’ persuni esponew fuq Facebook kif talbu lill-awtoritajiet għal spjegazzjoni wara li ilhom xhur jirċievu ittri fi djarhom indirizzati lil persuni barranin.
Din is-sitwazzjoni kompliet teskala speċjalment wara li sar magħruf li mill-Aġenzija Identità nħarġu eluf ta’ dokumenti doppji; fejn fil-Qorti ntqal li fost dawk involuti hemm eks ħaddiema tal-istess Aġenzija.
Dawn l-ittri qed jagħtu x’wieħed jifhem li diversi barranin għandhom ID card irreġistrata fuq residenzi li fihom hemm Maltin jgħixu diġa’ – tant li l-kontijiet ta’ pagamenti qed imorru għand dawn il-familji Maltin.
Fi stqarrija li ħarġet illum quddiem din is-sitwazzjoni, Identità provat tagħti x’jifhem li dawn il-każijiet huma fil-maġġorparti tagħhom każijiet fejn l-inkwilin ma jkunx informa lill-aġenzija li biddel ir-residenza fejn jgħix. Dan minkejja li dawk li tkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom għamluha ċara li f’dak l-indirizz qatt m’għexu barranin; apparti familja Maltija.
L-Aġenzija farfret minn kull responsabbiltà meta qalet li “bl-aktar mod skjett l-Aġenzija Identità tiddikkjara li ma tistax tinżamm responsabbli meta, b’mod malizzjuż, tingħata informazzjoni ħażina jew frawdolenti lill-kumpaniji, entitajiet jew fornituri lokali.”



