Lokali

“Il-Gvern u Joseph Portelli jiżżuffjettaw bil-poplu” – Moviment Graffitti

Is-sistema tal-ippjanar f’Malta qed tkompli sejra mill-ħażin għall-agħar hekk kif l-iżviluppatur Joseph Portelli issa applika biex jissanzjona l-pixxini illegali tiegħu fl-ODZ tal-Qala (PA/5223/24).

Dawn il-pixxini, li jkopru medda ta’ ’l fuq minn 700 metru kwadru ta’ art agrikola ODZ, kienu nbnew bħala parti mill-iżvilupp massiċċ ta’ Portelli, magħruf bħala Ta’ Kassja, li radam il-villaġġ tal-Qala. Fl-2021, il-Moviment Graffitti kien irrapporta xogħlijiet illegali fl-ODZ tal-Qala lill-Awtorità tal-Ippjanar. Madankollu, filwaqt li x-xogħlijiet komplew għaddejjin b’impunità totali, Joseph Portelli rnexxielu japplika għas-sanzjonar — u jikseb dan is-sanzjonar — għall-pixxini mibnija illegalment.

Wara appell quddiem il-Qorti mill-Moviment Graffitti u l-Kunsill Lokali tal-Qala, il-Qorti rrevokat il-permess f’Marzu ta’ din is-sena, u ddikjarat li l-pixxini huma illegali. Is-sentenza tal-Qorti kienet waħda definittiva u li ma tħalli lok għal ebda dubju: “…is-sit mhux kompatibbli mal-użu permess għal żona speċifika ta’ natura agrikola bħal din in kwistjoni….” Ladarba strutturi illegali jistgħu jiġu ssanzjonati biss jekk ikunu konformi mal-politiki tal-ippjanar attwali, it-tieni applikazzjoni li Portelli tefa’ biex jissanzjona dawn il-pixxini — wara sentenza daqshekk kategorika mill-Qorti — mhija xejn għajr żuffjettar bis-sistema ġudizzjarja tagħna.

Dan l-insult sfaċċat fil-konfront tal-ġustizzja huwa ffaċilitat mill-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu, li dejjem għamlu minn kollox biex jissodisfaw ir-regħba tal-iżviluppaturi. F’Ġunju li għadda, il-Moviment Graffitti wettaq azzjoni diretta fis-sit taż-żewġ pixxini illegali, u xeħet dawl fuq kif il-Gvern sistematikament naqas milli jrażżan it-tattiċi ta’ bullying min-naħa ta’ Portelli u naqas ukoll milli jirriforma s-sistema bażwija tal-appelli tal-ippjanar. Il-liġi attwali tippermetti lill-iżviluppaturi jibdew u jlestu proġetti ta’ żvilupp anke meta jkun hemm appell pendenti quddiem it-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) jew il-Qorti. Kif rajna fil-Qala, dan iwassal biex proġetti sħaħ jilħqu jinbnew għalkollox anke wara li l-Qorti tkun irrevokat il-permessi irregolari tagħhom.

Kif għedna waqt l-azzjoni diretta tagħna, u kif qed nerġgħu ntennu issa, din is-sistema tal-ippjanar hija logħba mixtrija intiża li tiffavorixxi lill-iżviluppaturi. Il-Gvern qiegħed b’mod effettiv jiżgura l-impunità għall-iżviluppaturi billi l-ewwel iħallihom jibnu strutturi li huma illegali jew potenzjalment illegali, u mbagħad jonqos milli jieħu azzjoni sinifikanti kontra dawn l-illegalitajiet. Fil-każ tal-Qala, l-Awtorità tal-Ippjanar lanqas biss irrestrinġiet l-aċċess għall-pixxini, li s’issa għadhom qed jitħallew jitħaddmu minkejja li huma ċarament illegali.

F’Mejju tas-sena l-oħra, u kif ukoll ftit tal-ġimgħat ilu, il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed riforma fil-liġi tal-appelli. Iżda, s’issa, għad m’hemm l-ebda ħjiel ta’ din ir-riforma. Sadanittant, l-iżviluppaturi qed ikomplu għaddejjin b’impunità assoluta sal-punt li qed imorru kontra sentenza tal-Qorti.

Aħna nerġgħu ntennu t-talba tagħna li l-pixxini illegali ta’ Joseph Portelli fil-Qala jiġu mneħħija immedjatament u li l-liġi inġusta tal-appelli tiġi riformata mingħajr aktar dewmien.

Il-Moviment Graffitti huwa lest li jwettaq aktar azzjoni diretti jekk l-għajta tal-poplu għal diċenza bażika fl-ippjanar tkompli taqa’ fuq widnejn torox.