Lokali

Il-Labour se jkollu jlaqqa’ Konferenza Ġenerali Straordinarja nhar il-Ġimgħa li ġej

Wara li l-Prim Ministru spiċċa taħt pressjoni enormi mill-klikka ta’ Joseph Muscat, l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-PL ilbieraħ filgħaxija spiċċa jsejjaħ Konferenza Ġenerali Straordinarja għal nhar il-Ġimgħa li ġej fis-6pm, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Il-Konferenza se ssir sabiex jitpoġġew għad-diskussjoni emendi fl-istatut – fosthom il-possibilta’ li l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tkun tista’ tiġi kkontestata minn Membri Parlamentari.

U għalkemm fl-istqarrija uffiċjali il-Partit Laburista ma għamilx referenza għad-deputati li huma MEPs, il-verità hi li dan it-tibdil qed jiġi impost mill-klikka ta’ Muscat sabiex jimbuttaw lil Alex Agius Saliba wara li Jason Micallef ċeda mit-tellieqa. B’analisti politiċi jgħidu li dan huwa “patt ieħor” li Robert Abela baxxa rasu għalih u li ġie impost fuqu.

Intant, l-elezzjonijiet għall-karigi ta’ Deputati Mexxejja u ħatriet oħra fl-Amministrazzoni tal-Partit Laburista se jsiru bejn it-13 u l-15 ta’ Settembru.

In-nominazzjonijiet għall-karigi kollha se jinfetħu nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Awwissu u jibqgħu miftuħin sal-25 ta’ Awwissu.

L-elezzjonijiet jitmexxew mill-Kummisjoni Elettorali tal-Partit Laburista.  

Il-Konferenza Ġenerali tagħlaq il-Ħadd 15 ta’ Settembru.