Id-dinja tal-isport kapaċi toħloq miti u tipproduċi atleti u personalitajiet li b’dak li jwettqu jidħlu jagħmlu parti mill-istorja. F’dan il-kuntest l-Olimpjadi biss kapaċi jagħmlu dan. Ir-reġina tal-għawm illum aktar minn qabel tibqa’ Katie Ledecky. Ta’ 27 sena karriera li fi tnax-il sena rebħet matulhom 9 midalji tad-deheb, erbgħa minnhom fit-800 metru u l-bqija bejn 200 metru, 400 metru u 1500 metru freestyle. Magħhom iżda forsi ftit jissemmew, hemm ukoll tliet midalji tal-fidda u oħra tal-bronż.
Biex jifhem kulħadd fl-annali tal-isport fl-istess keffa ma’ Michael Phelps u wisq aktar laħqet u tista’ tmur lil hinn minn Larisa Latynina li fi żmien l-Unjoni Sovjetika kienet rebħet disa’ midalji tad-deheb bejn l-1956 f’Melbourne, l-1960 f’Ruma u fl-1964 f’Tokjo.
La qed insemmu n-nisa fl-isport, nittama li l-kromożomi X u Y li tant iddominaw l-aħbarijiet f’dawn il-ġranet u jekk Imane Khelif kellhiex tikkompeti jew le jkunu aħbarijiet sekondarji ma jibqgħux fuq ħames kolonni tal-ġurnali wara donnu f’salt wieħed kulħadd sar espert tal-kromożomi.
Veru li l-aħbar tibqa’ s-suġġett ewlieni, iżda l-aħbar tista’ jkun b’togħma aħjar tip dak li wettqet Simone Biles fil-ġinnastika u s-seba’ midalji tad-deheb li rebħet bejn Rio u Pariġi u jekk mhux biżżejjed magħhom waħda tal-fidda u tnejn tal-bronż fil-partentesi ta’ Tokjo. Il-mara fl-Olimpijadi jew aħjar l-atleta mara tibqa’ ċentru tal-attenzjoni. Issa aktar u aktar li f’din l-edizzjoni daqskemm hemm irġiel, hemm nisa fl-azzjoni.
//= $special ?>