Il-Partit Nazzjonalista jinsisti mal-Gvern biex jippubblika l-istħarriġ xjentifiku dwar is-suq tax-xogħol kif wiegħed biex toħroġ il-verità dwar il-kundizzjoni tas-suq tax-xogħol f’Malta. Il-kelma tal-Gvern Laburista nafu li ma tiswiex u għalhekk, hemm bżonn tal-pubblikazzjoni tad-dokument.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti dwar l-importanza ta’ reviżjoni xjentifika tas-suq tax-xogħol u li din ma tistax tkun sottovalutata. Din l-analiżi tipprovdi stampa ċara u oġġettiva tal-ħiliet, ix-xogħolijiet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol tagħna. Hi għodda indispensabbli għall-ħolqien ta’ ‘policies’ effettivi u sostenibbli li jgħinu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-isfidi tal-ekonomija tagħna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus iddikjara li, skont l-istudji, m’hemmx nuqqas ta’ ħaddiema f’dawn is-setturi. Din l-istqarrija tagħmel aktar urġenti l-pubblikazzjoni tar-reviżjoni xjentifika biex in-negozji u l-ħaddiema jkunu jafu l-verità dwar is-sitwazzjoni.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Gvern biex jagħmel pubbliċi l-istudji li juru l-effetti tad-deċiżjonijiet tiegħu. Hu ċar li din hi reazzjoni mgħaġġla u rħisa min-naħa tal-Gvern mingħajr ma ttieħdu l-miżuri meħtieġa biex tkun irrimedjata problema li ħoloq hu stess.
Il-Gvern irid iwieġeb dawn il-mistoqsijiet:
1. Fejn hi r-reviżjoni xjentifika tas-suq tax-xogħol? Għaliex din ma ġietx ippubblikata biex tkun aċċessibbli għal kulħadd?
2. X’inhuma r-riżultati tal-istudji mwettqa? X’juru l-istudji dwar l-impatt tad-deċiżjonijiet tal-Gvern fuq is-suq tax-xogħol?
3. Il-Gvern kif se jindirizza n-nuqqasijiet fil-ħiliet u l-impjiegi? X’passi se jieħu l-Gvern biex isolvi l-problemi li ħoloq fis-suq tax-xogħol?
Hu evidenti li l-Gvern qed jagħmel reazzjonijiet mgħaġġla u pwerili minflok ma jieħu l-passi meħtieġa biex isolvi l-problemi li ħoloq hu stess u joħloq pjan ekonomiku ġdid. Dan deher ċar fil-kummenti tal-Prim Ministru li naqas milli juri responsabbiltà għall-azzjonijiet tal-Gvern tiegħu.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li pajjiżna jeħtieġ ‘policies’ mibnija fuq data u riċerka solida mhux fuq reazzjonijiet impulsivi. Jemmen li billi tkun ippubblikata r-reviżjoni xjentifika u l-istudji mwettqa, diment li saret bis-serjetà, inkunu nistgħu nidentifikaw l-isfidi reali u nfasslu soluzzjonijiet effettivi biex intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekonomija ta’ Malta. Fuq kollox, jappella lill-Gvern biex ikun trasparenti u jagħmel pubbliċi l-istudji kollha relatati mas-suq tax-xogħol.
Il-futur tas-suq tax-xogħol Malti jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li nieħdu llum. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti fuq it-trasparenza, ir-riċerka xjentifika u l-policies infurmati biex niggarantixxu ekonomija sostenibbli u ħaddiema reżiljenti. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jippubblika r-reviżjoni xjentifika tas-suq tax-xogħol u l-istudji relatati biex ikun assigurat li kull deċiżjoni tittieħed bl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi, ladarba dan sar b’serjetà u mhux b’reazzjoni għar-rabja tal-poplu għad-deċiżjonijiet tal-Gvern.
Dan intqal fi stqarrija minn Ivan Castillo x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja u Darren Carabott ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi
//= $special ?>