Il-gwerra li ilha aktar minn sentejn qed tinfirex dejjem ‘il hinn mill-Ukrajna u meta issa, l-uffiċjali tad-difiża Russi qalu li ‘il fuq minn 300 suldat Ukreni ‘infiltraw u invadew’ ir-reġjun ta’ Kursk, fir-Russja.
L-azzjoni fiha nfisha qed tirrifletti dimensjoni ġdida fil-kunflitt li beda fi Frar tal-2022 – bil-President Russu, Vladimir Putin, jakkuża lill-Ukrajna dwar ‘provokazzjoni kbira li għandha tqanqal tweġiba xierqa’.
Fl-aħħar sigħat kien hemm rapporti dwar ġlied kontinwu bejn it-truppi Russi u l-qawwiet li invadew l-artijiet ta’ Kursk u li, minkejja d-diskors tal-Kremlin, ma kenux identifikati ‘uffiċjalment’ bħala Ukreni mis-sorsi indipendenti.
Dan wara li kontinġent kbir ta’ truppi, tankijiet tal-gwerra u vetturi militari oħra qasmu mill-fruntiera Ukrena għar-Russja – bl-inkursjoni ssir viċin il-belt ta’ Sudzha, ftit ‘il hinn mill-front tal-gwerra.
B’konsegwenza ta’ dan, eluf ta’ nies, inklużi familji, ħarbu minn djarhom fir-reġjun ta’ Kursk – bl-Ukrajna ma tikkummentax dwar l-iżviluppi fl-inħawi.
Min-naħa tiegħu, il-President Putin, waqt diskors f’Moska, akkuża lill-‘qawwiet Ukreni’ dwar l-isparar indiskriminattiv lejn ir-residenzi u bini oħra ta’ ċivili fir-Russja.
Hu minnu, intant, li, fl-aħħar sigħat, żbruffaw il-battalji f’diversi villaġġi tar-Russja –bl-awtoritajiet Russi anki jirreferu għal attakki mill-qawwiet tal-ajru Ukreni li komplew matul il-lejl tat-Tlieta u li ssarrfu fil-vittmi ċivili.
Il-kelliema f’Moska qalu wkoll li talanqas 30, inklużi tfal, spiċċaw midruba mill-bumbardamenti tal-Ukreni fuq l-artijiet tar-Russja man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li t-truppi tiegħu reżistew, ftit jew wisq, l-avvanzi tal-qawwiet ostili u fejn, allegatament, ma ħallewhomx jidħlu aktar ‘il ġewwa fir-Russja.
Madankollu, baqgħu għaddejjin l-allerts għall-attakki tal-ajru f’Kursk, fejn l-awtoritajiet lokali ħeġġew lir-residenti biex jillimitaw il-movimenti tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi kellhom anki jitħassru l-avvenimenti pubbliċi kollha fir-reġjun.
Fil-preżent, numru ta’ filmati li qed jiċċirkulaw online qegħdin juru numru ta’ ajruplani tat-tip fighter jets waqt li qed itiru fil-baxx fuq iz-zoni minfejn qed ibewwġu d-dħaħen kbar. Intant, is-sorsi indipendenti ma setgħux jikkonfermaw jekk l-artijiet li jidhru fil-filmat inġibdux tassew mill-inħawi ta’Kursk.
U għalkemm il-kunflitt, issa, qed imiss dejjem aktar lill-poplu Russu, Alexei Smirnov, l-Aġent Gvernatur ta’ Kursk, qal li hu kien aġġorna lill-President Putin dwar is-sitwazzjoni li, fi kliemu, kienet ‘taħt kontroll’.
Filwaqt li l-Gvern tal-Ukrajna ma qal xejn dwar l-iżviluppi f’Kursk, xi sorsi fi ħdan l-Armata Ukrena qalu li ‘l-militar tagħhom bħalissa qed jimplimenta tattiċi ta’ prevenzjoni’ fi żmien meta ‘il fuq minn 75,000 suldat Russu qegħdin jinġabru viċin il-fruntiera.
L-inkursjoni attwali f’Kursk, sadanittant, mhix l-ewwel waħda mill-gruppi tal-ġellieda bażati fl-Ukrajna u li ħafna minnhom mhumiex affiljati mal-militar tal-President Ukren Volodymyr Zelensky.
Dawn il-gruppi, fil-parti kbira, huma magħmulin mill-milizji Russi u membri ta’ komunitajiet etniċi li jopponu akkost ta’ kollox lil Vladimir Putin u l-Kremlin…Qawwiet li, fl-aħħar xhur, wettqu diversi rejds fit-territorji tar-Russja.
//= $special ?>