Matul it-tieni kwart ta’ din is-sena, l-inċidenti tat-traffiku komplew jiżdiedu filwaqt li l-persuni li weġġgħu naqsu meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2023.
Dan ħareġ minn rapport ippublikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika li ta rendikont tal-inċidenti li seħħew f’Malta bejn April u Mejju ta’ din is-sena.
L-ammont ta’ incidenti f’dan il-perjodu kien ta’ 4,436 – li juri żieda ta 4% meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Dawk li weġġgħu naqsu b’7.9% għal 409.
Fost dawn, kien hemm 64 sewwieq, 8 passiġġieri, kif ukoll 30 persuna li kienu miexja, bir-rota jew oħrajn. 65.5% fil-mija tat-tiġrib kien ikkaġunat minn ħbit bejn vetturi. 12-il ċiklist ukoll kienu nvoluti f’xi aċċident, b’4 minnhom ġarrbu ġrieħi gravi.
Sfortunatament, 3 persuni mietu kawża ta’ dawn l-inċidenti – tnejn li kienu qed isuqu, u persuna li kienet miexja fit-triq. Dawn il-fatalitajiet fit-tieni kwart tal-2024 involvew żewġ sewwieqa li ħabtu maʼ proprjetà u persuna li ntlaqtet minn vettura.
L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li l-akbar għadd taʼ feruti mill-incidenti tat-traffiku seħħew fil-jum tal-Ġimgħa bʼ76 persuna, filwaqt li l-akbar għadd taʼ incidenti seħħew fil-jum tat-Tlieta bʼ752 każ fit-toroq ta’ pajjiżna.
Fost il-lokalitajiet kollha, f’Birkirkara ġew irreġistrati l-ikbar għadd ta’ inċidenti b’total ta’ 294 każ, segwita minn Ħal Qormi b’222 każ u San Pawl il-Baħar b’218-il każ. Il-lokalitajiet bl-inqas incidenti rappurtati kienu San Lawrenz, l-Ghasri u Ta’ Kerċem b’inqas minn 5 każi.
//= $special ?>