Internazzjonali

Renju Unit: Fuq l-allert għal aktar jiem u ljieli ta’ kaos

Eluf ta’ pulizija jinsabu skjerati madwar l-Ingilterra huma u jħejju għal mewġa ġdida ta’ irvellijiet vjolenti li ilhom għaddejjin mill-ġimgħa l-oħra …Vjolenza li affettwat lill-komunitajiet fl-ibliet kważi kollha tal-Ingilterra.

Intant, hemm indikazzjonijiet li l-gruppi tad-dimostranti – fosthom l-entitajiet estremisti ta-lemin – qed iħejju talanqas 100 azzjoni oħra ta’ protesta, bit-tensjoni fil-pajjiż qed tilħaq l-aktar livelli akuti għal snin.

L-inkwiet u l-ksur konsistenti tal-bwon ordni żbruffaw, jum wara l-ieħor, wara li żgħażugħ li familtu ġejja mir-Rwanda, qatel, kiesaħ u biered, lil tlett ibniet li kienu qed jipparteċipaw fi klassi taż-żfin fil-belt ta’ Southport. Huma nqatlu b’daqqiet ta’ sikkina u bil-pulizija, bħalissa, qed iżomm lill-aggressur taħt arrest.

Il-kaos fl-ibliet anki qed ikun xprunat mill-informazzjoni żbaljata u qarrieqa li qed tiċċirkola fuq diversi websajts — u l-Gvern Britanniku qed jenfasizza dan il-punt, fost l-appelli biex ‘in-nies jikkalmaw ħalli tonqos it-theddida għas-soċjetà’.

Skont l-aħħar rapporti, tlett irġiel ingħataw sentenzi ta’ ħabs wara li ħadu sehem f’sensiela ta’ irvellijiet f’Merseyside, Wieħed minnhom, li għandu 58 sena, weħel tlett snin priġunerija wara li attakka uffiċjal tal-pulzija – bit-tnejn l-oħra jingħataw sentenzi rispettivi ta’ 30 u 20 xahar ħabs.

Intant, l-awtoritajiet u l-prosekuturi Britanniċi qed jinkwetaw li l-aħħar jiem ta’ inkwiet jistgħu mhuma xejn ħdejn l-affarijiet li għad jistgħu jaraw ‘il quddiem. Fl-istess ħin, il-Gvern u l-Pulizija enfasizzaw li l-ġustizzja għandha tasal malajr għal kulmin jinqabad qed jipparteċipa fl-irvellijiet tal-massa u l-azzjonijiet kriminali qalb l-ibliet.