Lokali Sport

Bejn drama u passjoni għall-isport

Charles Camenzuli minn Pariġi

Fl-ambjent suġġestiv tal-Kwartieri Ġenerali tal-UNESCO fil-qalba ta’ Pariġi, it-tema ewlenija hija r-rwol tal-ġurnatisti tal-isport fil-qafas tal-Olimpijadi. Pariġi  għall-Assocjazzjoni Dinjija tal-Ġurnalisti tal-Isport (AIPS) li issa ili marbut direttament għal kważi 50 sena, il-kapitali tal-midja internazzjonali. Fit-2 ta’ Lulju 1924 lejlet il-ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Pariġi tal-1924, twieldet l-AIPS. 100 sena wara fl-istess kapitali Farnciża qed ikun iċċelebrat iċ-ċentinarju. 100 sena ta’ ħidma u servizz lil kull min f’karriera professjonali wassal l-ideali li għalih twaqqfet l-AIPS. Kien żmien differenti li witta l-bażi tal-ġurnaliżmu tal-lum.

Fl-istess waqt, fil-Kwartieri Ġenerali tal-UNESCO ma naqsux l-atleti Olimpiċi li matul l-aħħar 50 sena sawru l-istorja tal-Olimpjadi. Ħmistax-il protagonista bl-aktar familjari Sebastian Coe, Edwin Moses, Nadia Comaneci , Daley Thompson, Kipchoge Keino, Tanni Grey Thompson u Chris Hoy. Kollha minn sport differenti b’għexieren ta’ midalji Olimpici bejniethom. L-isport fl-aqwa tiegħu u wisq aktar bil-qawwa tiegħu.

Atleti li wara daqstant snin baqgħu jaqsmu l-esperjenza olimpika daqslikieku għadhom hemm, niżlu minn fuq il-podju. Atleti li jibqgħu eżempju ta’ sport ġenwin lil hinn mill-ambjent li forsi jinstab fih l-isport illum.

L-arja ‘Nessun Dorma’ mill-opra Turandot, għadha tidwi fil-Kwartieri Ġenerali tal-UNESCO. Arja li tfakkar ukoll il-100 sena mill-mewt ta’ Giacomo Puccini li bejn drama u passjoni tiġbor fiha dak li l-ġurnaliżmu tal-isport wassal mill-1924. Għal min għandu għal qalbu l-professjoni. L-istorja tkompli. Nibdew ngħoddu sena sena fuq iċ-ċentinarju.