Lokali

Fava ma jagħti ebda garanzija li mhux se jinqata’ d-dawl fis-sjuf li ġejjin

Ma ngħidx li kien falliment, ma naħsibx li ma ppjanajniex biżżejjed.

Sostna dan iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta, Ryan Fava mal-gazzetta Malta Business Weekly meta mistoqsi jekk l-Enemalta setgħetx ippjanat aħjar biex tiggarantixxi distribuzzjoni u provvista tal-elettriku lill-familji – minkejja ż-żieda  qawwija fil-popolazzjoni.

L-Inġinier Fava insista li l-investiment fis-snin preċedenti sar fuq vultaġġ baxx u mhux medju; u b’hekk wassal għall-problemi tal-lum.

Huwa insista li qed jaħdmu fuq ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda, iżda ilhom għal dawn l-aħħar 4 snin iħabbtu wiċċhom ma’ diversi appelli u permessi.

Intant, huwa saħaq li ma jistax jagħti garanzija li fis-sjuf li ġejjin mhux se jinqata’ d-dawl.

L-istess bħal ma’ qal f’intervista mal-ġurnal Times of Malta fejn filwaqt illi insista li mhux suppost ikun hemm problemi fejn diġà sar l-investiment…ma jistax jagħti garanzija fejn ix-xogħol ma laħaqx tlesta.

Kemm mat-Times kif ukoll mal-Malta Business Weekly, Fava sostna li matul dan is-sajf s’issa l-problemi li kien hemm kienu f’postijiet fejn ma sarx investiment u saħaq li fejn sar ix-xogħol kien hemm titjib sostanzjali – fost l-oħrajn fin-Naxxar, il-Mosta, iż-Żurrieq, il-Kottonera u surrealment anke f’Għawdex – fost l-aktar żoni illi kienet affettwata fl-aħħar ġimgħat.

Mistoqsi mit-Times għalfejn introduċew il-generators fit-toroq Maltin u Għawdxin – b’inkonvenjent qawwi għar-residenti – Ryan Fava saħaq li l-Enemalta pruvat tagħmel minn kollox biex tipprovdi servizz lill-klijenti tagħha f’dan il-perjodu ta’ sħana.

Finalment, iċ-chairperson tal-Enemalta insista li huwa importanti li n-network jiżviluppa mal-iżvilupp tal-pajjiż.

Fi kliem sempliċi …. kellu jsir investiment li jimxi pass pass mal-mudell ekonomiku li applika l-Gvern tal-ġurnata.