Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri għandu jirriżenja – PN

Ma jistax jibqa’ sieket quddiem dak kollu li qed iseħħ fil-Ministeru tiegħu

Il-Gvern ta’ Robert Abela tilef il-kontroll u xhieda ta’ dan hu dak li qed jiġri fil-Ministeru mmexxi minn Byron Camilleri. Fl-aħħar jiem ħarġu biċ-ċar il-problemi kbar li ilhom jinħmew fl-awtorità Identità u li qed joħorġu fl-apert it-taħwid li hemm fil-Ministeru ta’ Byron Camilleri.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers Darren Carabott u Ivan Castillo, li qalu li l-assenza assoluta ta’ Byron Camilleri turi li m’għadux tajjeb għall-kariga li jokkupa u għandu jirriżenja.

Il-kelliema fakkru kif mijiet ta’ persuni rċievew korrispondenzi fil-propjetà tagħhom iżda b’isem li lanqas biss jafu min hu. U dan qed jinkwieta lir-residenti, partikolarment l-anzjani u dawk vulnerabbli.

Iżda quddiem dan kollu, ikompli jiddomina s-skiet assolut ta’ Byron Camilleri, bl-aħħar stqarrija ta’ reazzjoni kienet fl-aħħar tax-xahar li għadda, fejn fost oħrajn bil-kemm irreaġixxa għat-talba mill-Avukat Jason Azzopardi għal Inkjesta dwar 18,000 Karta tal-Identità falza.

Il-kelliema qalu li l-poplu għandu bżonn ta’ Gvern b’sinsla iżda, minflok, qed jara biss silenzju assolut. Dan mhux fil-każ ta’ Identità biss, iżda anke dwar affarijiet oħrajn li wieħed stenna li Byron Camilleri jitkellem dwarhom, bħall-estensjoni tat-terminu tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kienet żvelata mill-media bħalma ġara fil-mewta ta’ persuna fit-Taqsima Forensika.

Iżda s-skiet li jtarrax mill-Gvern ta’ Robert Abela jkompli wkoll mill-fatt li għaddew aktar minn 24 siegħa minn meta l-Partit Nazzjonalista talab li jkun ippubblikat l-istħarriġ xjentifiku dwar is-suq tax-xogħol, kif wiegħed li se jagħmel. Dan wara li kienu Robert Abela u Clyde Caruana li faqgħu lil pajjiżna b’ħadiema b’cheap labour, iżda li issa qed jgħid li m’għandux bżonn.

Il-kelliema fakkru wkoll f’Mistoqsija Parlamentari li għamel ix-Shadow Minister David Agius dwar kemm hemm ħaddiema fis-suq tal-food couriers u kif Byron Camilleri wieġeb biss li m’hemmx kategorija għal dawn il-ħaddiema. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi kif tista’ tkun taf li settur ikun saturat jekk ma jkollokx informazzjoni ta’ kemm hemm ħaddiema jaħdmu fih.