Is-Super One qed jgħid li l-proġett mar-round about ta’ Ħal Qormi se jkun qed itejjeb l-aċċessibbiltà. Iżda n-nies, speċjalment ir-residenti Qriema, jaħsbu totalment l-oppost.
Fil-fatt, fuq il-media soċjali kien hemm baraxx ta’ kritika għall-proġett li ħabbar il-Gvern, kif ukoll għax-xogħlijiet li qed isiru bħalissa b’rabta mas-sistemi tad-drenaġġ u d-distribuzzjoni tal-enerġija.
Iżda agħar minn hekk, il-kritika hija indirizzata għal dak li se jiġri wara li jitlesta dan it-tħaffir; fejn Infrastructure Malta se tkun qed tonfoq flus kbar biex prattikament iżżomm l-istess karreġjati.
Il-Gvern minn naħa tiegħu qed isejħilha “organizzazjoni aħjar” għal-Luqa-Qormi Junction. Iżda fir-realtà, mhu se jinbidel kważi xejn. Tant li anke n-nies innutaw dan il-fatt.
B’diversi kummenti fuq Facebook jinsistu li biex il-problema ta’ traffiku f’dawn l-akwati tittaffa xi ftit, hemm bżonn intervent maġġuri – bil-maġġoranza jsemmu l-ħtieġa li jsir underpass li jgħaddi minn taħt ir-roundabout.
Anke taħt ir-rapport tal-media Laburista, in-nies ma qaghdux lura milli jikkritikaw dak li se jsir. B’uħud jistaqsu lill-Gvern jekk tassew jemminx li b’dan il-pjan hux se jsolvi l-problema kontinwa ta’ konġestjoni li jkun hemm ma’ din ir-round about.
Kien hemm ukoll kritika qawwija għall-mod kif qed jiġi devjat it-traffiku bħalissa sakemm għaddejin ix-xogħlijiet. B’persuna partikolari tiddikjara illi tixtieq tkun taf min hu l-professur li qed joħroġ b’dawn l-ideat; speċjalment l-għeluq tal-aċċess
Oħrajn qalu li fiz-zona tant qed ikun hemm konġestjoni fil-ħin tal-ġurnata li tispiċċa imweħħel. Filwaqt li kien hemm min iddeskriva din is-sitwazzjoni bħala “ġennata”.

