Lokali

NIŻVELAW: “Il-klikka ta’ Muscat ġabet fejn riedet lil Robert Abela”

Diversi Laburisti tilfu l-fiduċja fit-tmexxija ta’ Robert Abela

“Il-Partit sejjer il-baħar – Joseph Muscat verament kien iħobb lill-Partit Laburista, illum l-affarijiet mod ieħor, dawn jimportaħhom biss mill-flus u l-poter. L-amministrazzjoni kollha tal-partit għandha tirriżenja.”

Huma dawn uħud mill-kummenti tal-partitarji Laburisti fuq il-midja soċjali, kummenti li juru l-weġgħat li dawn il-partitarji għandhom bit-tmexxija ta’ Robert Abela.

Wara r-riżultat elettorali tat-8 ta’ Ġunju li għadda, il-qasma fi ħdan il-Partit Laburista suppost immexxi minn Abela ħarġet fil-beraħ b’mod mill-aktar ċar hekk kif fil-kurituri kemm taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u anke ta’ Kastilja hemm qasma evidenti bejn żewġ klikek – dik ta’ Robert Abela u dik ta’ Joseph Muscat.

Robert Abela spiċċa mingħajr iż-żewġ deputati tiegħu wara r-riżenja ta’ Daniel Micallef minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit….u proċeduri fil-Qorti fil-konfront ta’ Chris Fearne li waslu biex warrab minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament.

U filwaqt li n-nomini jagħlqu fit-23 u l-24 ta’ Awwissu bl-elezzjonijiet skedati għat-13 u l-14 ta’ Settembru – il-ħidma tal-klikka ta’ Muscat biex tokkupa l-karigi għolja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għaddejja ġmiela; tant li ġabet lil Robert Abela f’rokna ma’ ħajt.

Dan hekk kif wara li l-eks Segretarju Ġenerali u ħabib ta’ Muscat, Jason Micallef ħabbar li kien se jikkandida għal Deputat Mexxej, Abela għamel dikjarazjoni li xejn ma niżlet tajjeb mal-Laburisti – meta implika li dawk hekk imsejħa qodma, dawk li għal dawn l-aħħar snin ilhom jagħtu kontribut lil-Labour – m’għadx għandhom posthom fit-tmexxija; għaliex skont Abela l-arloġġ fil-ħajja qatt ma jimxi lura iżda dejjem ‘il quddiem.

Sorsi qrib sew taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista spjegaw ma’ Net News li b’tali stqarrija Abela reġa’ spiċċa f’paniku illi wassal lill-istess Mexxej biex jittanta jibdel l-istatut tal-Partit u prorpju jagħmel dak li l-klikka ta’ Muscat xtaqet mill-bidu – li jkun jista’ joħroġ għall-Elezzjoni ta’ Deputat Mexxej Laburista ħadd ħlief l-MEP Alex Agius Saliba.

Matul il-kampanja elettorali Agius Saliba fetaħ il-bieb beraħ lil Joseph Muscat u ħallieh jirkiblu l-karru elettorali biex inaddaf ismu, tant li kien l-istilla fil-ftuħ tal-kampanja tiegħu fi Pjazza Tritoni.

Li Agius Saliba u Robert Abela fl-aħħar ġimgħat ma kienux qed jaraw għajn m’għajn mhux sigriet hekk kif mhux talli sabbat saqajh  u mar kontra l-ordni ta’ Abela f’dak li kellu x’jaqsam vot favur il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola….talli fl-ewwel rally tal-Labour wara l-elezzjonijiet…fir-Rialtò f’Bormla – lil Agius Saliba ma refawlux siġġu fis-sala tant li spiċċa fil-pjazza.

U minn ebda siġġu fis-Sala għaliex hu ta’ Muscat, Robert Abela spiċċa issa sfurzat jiftaħlu l-bieb beraħ biex ipoġġi ma ġenbu bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit….bid-Deputat Mexxej l-ieħor li lest ikun is-suċċessur ta’ Chris Fearne kollox qed jindika li se jkun il-Ministru Ian Borg – ieħor minn ta’ Muscat, ieħor li kien mistieden fil-ftuħ tal-kampanja ta’ Alex Agius Saliba – ieħor li ismu anke fil-kamra tal-għadd tal-voti diġà kien qed jissemma qalb l-aġenti Laburisti bħala suċċessur ideali mhux biss ta’ Fearne iżda anke ta’ Robert Abela.