Lokali

Raġel jispiċċa fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ saqaf f’Għajnsielem

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-6:30pm il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza f’residenza fi Triq Malta, Għajnsielem, Għawdex.

Mill-istħarriġ li sar irriżulta li raġel, li għandu 51 sena u joqgħod Għajnsielem stess, kien qiegħed jagħmel xi xogħol meta għal xi raġuni ċeda s-saqaf bil-konsegwenza li waqa’ madwar sular.

Fuq il-post issejħu tim mediku u l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura fejn iktar tard hu ġie trasferit għall-Isptar Mater Dei, isofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat Simone Grech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.