Lokali

Robert Abela bla interess u dgħajjef fl-ippjanar tal-iżvilupp – PN

Minkejja li 15-il xahar ilu wiegħed biċċa riforma fis-sistema staġnata tal-ippjanar, li kellha twassal biex proġetti tal-kostruzzjoni ma jissoktawx sakemm ikunu għadhom qed jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell, sal-lum, anke jekk tbiddel il-Ministru, din il-wegħda għadha fl-arja bħal ħafna oħrajn.

Minn dakinhar komplew jiżdiedu l-binjiet u strutturi oħrajn li huma illegali, anke jekk tkomplew waqt li l-iżviluppatur jibqa’ jgawdi l-frott tal-għemil abbużiv tiegħu, bħalma l-Ministru Ian Borg baqa’ jgawdi l-iswimming pool tiegħu. Din hi turija ċara ta’ kemm Robert Abela hu dgħajjef quddiem id-diversi forzi li l-interess tagħhom jikkonflinġi mal-ġid kommuni.

Robert Abela kompla fuq il-passi ta’ qablu, spiċċa ntrikeb minn dawn il-forzi u, intenzjonalment, ħalla s-sistema tal-ippjanar staġnata. L-ippjanar ta’ zoni sħaħ, bħal fiż-Żurrieq, f’Birżebbuġa u fil-Mellieħa, qed isir mill-privat minflok mill-Awtorità tal-Ippjanar, li saret awtorità tal-permessi, fejn l-Uffiċju tal-Prim Ministru għandu saħħa kbira. Qed ikun il-privat, u mhux l-awtorità responsabli, li jidditermina l-użu tal-art u l-għoli tal-bini.

F’Ħ’Attard qed ikun propost li art ta’ 5,666 metru kwadru, li skont il-Pjan Lokali tal-2006 għandha tintuża’ għal faċilitajiet komunitarji sportivi u rikrejattivi, tkun żviluppata fi skola privata. Il-Gvern, minflok ma kkumpensa b’mod ġust lis-sidien oriġinali u wettaq proġett ta’ faċilitajiet sportivi u oħrajn anċillari għall-benefiċċju tal-lokalità, reġa’ ta l-art lis-sidien biex tkun żviluppata b’mod differenti minn kif jippermetti l-Pjan Lokali.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, oġġezzjona għal din l-applikazzjoni anke minħabba l-iżvilupp eċċessiv fiz-zona u l-effetti negattivi ta’ dan l-iżvilupp fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jibqa’ jiddjaloga biex issir il-bidla li tant hemm bżonn f’pajjiżna, jesiġi u jwiegħed riforma sħiħa u ħolistika fis-sistema tal-ippjanar wara li jkunu saru, ġew ippublikati u ġew diskussi l-istudji meħtieġa dwar kemm u x’tip ta’ żvilupp tiflaħ kull lokalità f’konferenza nazzjonali b’rabta wkoll mal-popolazzjoni.

Filwaqt li jagħmel l-Ambjent dritt fundamentali tal-bniedem, Gvern Nazzjonalista jħaffef il-proċessi mill-burokrazija żejda li mhux talli ma żżid l-ebda valur, iżda żżid bil-bosta l-ispejjeż u d-dewmien, bħala art fertili għall-korruzzjoni u l-abbuż minn min hu b’saħħtu għas-spejjeż tad-dgħajjef.

B’konsultazzjoni kontinwa, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jaġġorna l-viżjoni tiegħu għal pajjiżna u jħejji l-għodda kollha meħtieġa, inkluż sistema tal-ippjanar tal-iżvilupp li tkun robusta, ġusta, trasparenti u li tiffunzjona biex din il-viżjoni tintlaħaq.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit.