Lokali

Robert Abela għadu sal-lum parteċipi bis-sħiħ biex flus il-poplu Malti u Għawdxi ma jinġiebux lura

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u x-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia ressqu appell kontra deċiżjoni tal-Qorti li tefgħet ir-responsabbiltà biex jinġiebu flusna lura li l-Gvern ta lill-barranin fuq il-Prim Ministru u ddikjarat li hu biss jista’ jibda proċeduri biex jinġiebu lura l-flus li serqulna jew jawtorizza dawn il-proċeduri.

Sfortunatament, Robert Abela għadu sal-lum jirrifjuta li jiftaħ dawn il-proċeduri u għadu jiddefendi lil dawk li serquna u ffrodawna. U dan minkejja li l-Qorti kienet qalet li hi responsabbiltà ta’ Robert Abela li jġibhom, iżda sal-lum baqa’ xorta ma għamel xejn. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista għażel li jmur quddiem il-Qorti tal-Appel biex jinġiebu lura l-€400 miljun.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jesiġi li dawn il-flus għandhom jirritornaw minnufih u jkunu investiti tassew fil-poplu Malti u Għawdxi. B’dan l-appell, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jisħaq li l-Avukat tal-Istat għandu d-dmir li jipproteġi u jiddefendi lill-Istat u jfittex kumpens għal kull serq, imwettqa b’korruzzjoni, qerq, jew kollużjoni ma’ partijiet terzi fis-saga Vitals-Steward.

L-€400 miljun għandhom ikunu rkuprati u jinġiebu lura minnufih. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel dak kollu possibbli biex il-flus li l-Gvern ta lill-barranin ikunu rritornati u jkunu jistgħu jitgawdew mill-poplu kollu.

L-appell kien ippreżentat mill-Avukat Edward Debono.