Lokali

Abela joffri lil Randolph De Battista biex ikun ambaxxatur ħalli jirrinunzja s-siġġu Parlamentari

Wara li Randolph De Battista warrab mill-irwol ta’ Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, issa Robert Abela qed joffrilu li jieħu l-pożizzjoni ta’ ambaxxatur.

Taħt pressjoni, Abela għamel dan sabiex jassigura li De Battista jirrinunzja s-siġġu Parlamentari li bħalissa jokkupa bħala parti mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalu li De Battista ġie offrut li jservi bħala ambaxxatur Malti għall-Irlanda.

Mhux magħruf jekk Randolph De Battista hux se jkun qed jaċċetta dan l-irwol, u b’hekk ikollu jċedi postu fil-Parlament Malti.

Randolph De Battista kien ġie co-opted fil-Parlament wara għadd ta’ manuvri li kienu saru fl-2022 mil-Labour sabiex fuq id-disa’ distrett ikunu vakati żewġ siġġijiet, u l-kandidati kollha tad-distrett spiċċaw b’xi mod jew ieħor eletti b’riżultat li kellu jiskatta proċess ta’ co-option. B’Abela li dak iż-żmien kien inomina direttament lil Randolph Debattista, bil-proposta tkun approvata mill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Iżda issa, huwa Abela stess li qed iġiegħlu biex iċedi s-siġġu parlamentari llum qabel għada, b’manuvri sabiex dan jaċċetta l-offerta u jwarrab kemm jista’ jkun malajr.