Lokali

Arrestat mill-ġdid “Lilu King”: Involut fi ġlieda fejn allegatament sawwat Malti f’Paceville

Reġa’ ġie arrestat Mohammed Elmushraty, magħruf aħjar bħala “Lilu King” wara li allegatament qabad isawwat Malti wara li l-istess “Lilu King” ħabat miegħu bil-karozza. L-inċident seħħ Paceville, fejn l-istabbiliment Bay Street għall-ħabta tal-11pm.

Net News huwa nfurmat li l-vittma weġġa’ sew u min kien fuq il-post iddeskrieva x-xena bħala waħda tal-films. “Lilu King” jinsab id-depot għall-interogazzjoni u mistenni jitressaq il-Qorti fit-48 siegħa li ġejjin bil-prosekuzzjoni mistennija titlob ir-re-arrest tiegħu hekk kif jitressaq.

Il-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan marret fuq il-post wara li ġiet infurmata bl-inċident u marrest fuq il-post u arrestat lil Elmushraty. L-influencer Libjan u eks boxer ta’ 32 sena, li jgħix istil ta’ ħajja lussuża li kien ħafna fl-aħbarijiet s-sena li għaddiet fi proċedimenti kriminali, ingħata l-libertà proviżorja f’Marzu li għadda.

Elmushraty, jinsab akkużat b’ħasil ta’ flus, evażjoni tat-taxxa u parteċipazzjoni fil-kriminalità organizzata, kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ u li saq mingħajr liċenzja f’Mejju 2023, b’akkuża oħra ta’ traffikar tad-droga żdiedet f’Jannar ta’ din is-sena.