Lokali

“Fil-Partit Laburista bħalissa hemm vulkan ibaqbaq”

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ għas-Soċjetà, Andrew Azzopardi qis it-taqlib li hemm fil-Partit Laburista bħala vulkan ibaqbaq.

F’post fuq Facebook, Andrew Azzopardi qal li wieħed jifhem li jkun hemm nuqqas ta’ qbil f’organizzazzjoni kbira iżda dak li qed naraw issa żgur mhux sempliċiment nuqqas ta’ qbil. Sitwazzjoni li fi kliem Azzopardi qed twassal biex tħalli ħsara meta qed itiru u jittajjru fost elementi li huma l-aktar importanti biex organizzazzjoni tirnexxi u tiffunzjona.

Dan meta rajna r-riżenji mil-Labour ta’ diversi persuni fi ftit jiem, fosthom Daniel Micallef, Ronald Vassallo, Aleander Balzan, Glenn Micallef, u oħrajn. Riżenji li Andrew Azzopardi qed jarahom bħala sitwazzjoni li wieħed qed jaħseb li “aħjar ifittex idabbar rasu għax verament qed jibdew jitqanqlu l-irwiefen”.

Huwa fakkar kif il-Gvern u l-partit li jkun qed imexxi huma prattikament ħaġa waħda u b’hekk id-diżgwid bejn l-esponenti Laburisti ma jfisser xejn għajr riżultat ta’ nuqqas ta’ operat biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. U b’hekk minn dan kollu se jispiċċa jbati biss il-poplu Malti u Għawdxi.

Andrew Azzopardi nnota kif il-Partit Laburista għandu fazzjonijiet varji li qed jgħollu rashom, speċjalment dawk ta’ Joseph Muscat u ta’ Robert Abela, sabiex jakkwistaw il-poter. U dan qed iwassal għal problemi kbar, fejn fl-aħħar xhur biss rajna l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali, l-iskandlu tal-𝑊𝑜𝑟𝑘 𝑢 𝑅𝑒𝑠𝑖𝑑𝑒𝑛𝑡 𝑃𝑒𝑟𝑚𝑖𝑡𝑠, nies li qed jiġu mwarrba, diversi Ministri li qed iħossuhom bla direzzjoni, skandlu tal-eżamijiet tal-karozza, skandlu tal-għoti ta’ djar tal-housing għall-voti, serq tal-Vitals, problemi tat-traffiku, kollass fil-grid tad-dawl, over population, għoli tal-ħajja, il-qasam tas-saħħa li mhux ilaħħaq, kostruzzjoni bla kont… u lista li ma tispiċċa qatt.

Bażikament, qed naraw kif bil-mod il-mod qed jikrolla dak li darba kien moviment, kompla jgħid Azzopardi.

U la darba kollox qed jikrolla, dan ifisser biss li l-ewwel daqqa jieħodha ż-żgħir u l-vulnerabbli hekk kif flok il-Gvern mheddi li jsolvi l-kwistjonijiet li pajjiżna mifni bihom, minflok qed jipprova jsolvi l-kwistjonijiet li l-Partit Laburista hu mifni bihom.