Bejn ksur ta’ rekords tad-dinja u dawk Olimpiċi, il-fattur ewlieni f’kull Olimpjadi jibqa’ dak ta’ min huwa l-aktar veloċi, l-ogħla jew aktar b’saħħtu. Tliet fatturi li jiġbru fihom il-qawwa tal-isport u l-filosofija tal-isport.
Snin ilu nikftar il-mod kif Lino Bugeja li llum m’għadux magħna, kien jogħxa jispjega dawn il-fatturi u liema element Olimpiku hemm warajhom. Kien isaħħarni. It-tliet kelmiet bil-latin Citius – Altius – Fortius. Minn ċkuniti grazzi għal Lino Bugeja, dawn it-tliet kelmiet sawru fija l-istudju dwar l-Olimpjadi. Mhux għax espert… imma kważi! Forsi mhux kulħadd jifhem x’hemm warajhom, kif nibtu u ssawru fl-ideal tal-Moviment Olimpiku Internazzjonali.
Waqt dawn l-Olimpijadi f’Parigi attendejt għat-tnedija tal-ktieb ta’ Angela Teja dwar il-patri Dumnikan Henri Louis Remy Didon li twieled fis-17 ta’ Marzu 1840 u miet ta’ 60 sena wara li ta’ 22 sena kien ordnat saċerdot. Patri Henri Didon kien promutur kbir tal-isport fejn flimkien mal-Baruni Pierre de Coubertin kien ra kif iqajjem l-ispirtu Olimpiku fit-tfassil tal-Olimpjadi tal-era moderna mill-ewwel laqgħa bejniethom tat-2 ta’ Jannar 1891.
U bħal f’kull storja sabiħa, kollox seħħ li waqt kompetizzjoni sportiva fil-Kulleġġ Albert-le-Grand, f’Arcueil Seine, Coubertin kien direttur tal-kompetizzjoni u fuq il-bandiera tal-iskola nġibed għal kliem Citius, Altius, Fortius.
Minn Jannar 1894 sar il-motto Olimpiku. 130 sena wara l-istess motto għadu jispira. Quddiemi ir-rekord tad-dinja miksur minn Armand Duplantis f’Pariġi. L-ogħla – L’ altius b’6.25 metri.
Dak li fassal il-patri Dumnikan Henri Didon għadu jgħodd.
//= $special ?>