Lokali

Ikomplu l-‘musical chairs’ u r-riżenji fi ħdan il-PL

Leonid Mckay se jinħatar il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Laburista, ħabbar dan l-istess partit, ġurnata wara li Randolph Debattista rreżenja għal raġunijiet mhux speċifikati. Mckay bħalissa qed iservi bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus u qabel kien il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar kif ukoll id-direttur tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Cannabis.

Kien serva wkoll bħala d-direttur ta’ Caritas Malta. Fi stqarrija, il-PL irringrazzja lil Debattista għall-ħidma tiegħu u talli wettaq proġetti li skont il-PL jħallu l-frott għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, anke jekk diversi esponenti tal-istess partit xebgħu jitfgħu pressjoni fuqu biex jitlaq, u li waħħlu fih għar-riżultat diżappuntanti li kellu l-Labour fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.

Il-Partit Laburista għaddej minn perjodu ta’ ġlied intern wara r-riżultat mhux mistenni fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej li saru f’Ġunju li għadda. Il-Partit Laburista mhux biss tilef siġġu fil-Parlament Ewropej u nuqqas sinjifikanti fil-voti li kiseb f’dawn l-elezzjonijiet, iżda tilef ukoll diversi maġġoranzi fil-kunsilli lokali fosthom fil-Mosta, San Pawl il-Baħar, San Ġwann, l-Imsida, Birkirkara u l-Mellieħa.

F’dawn l-aħħar xhur il-PL sofra minn riżenji taż-żewġ deputati mexxejja tal-Partit Laburista. Chris Fearne, li se jgħaddi ġuri fuq il-frodi tal-isptarijiet u Daniel Micallef ma baqgħux fl-irwoli tagħhom. Irreżenjaw wkoll l-konsulent politiku fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru, Aleander Balzan u l-konsulent tal-Komunikazzjoni Claire Azzopardi mill-irwol tagħhom. Riżenja oħra kienet tad-direttur tal-komunikazzjoni tal-partit Laburista Ronald Vassallo.