Internazzjonali

Il-Brażil: Ma jsalva ħadd fit-tiġrif ta’ ajruplan tal-passiġġieri

Għaddejja investigazzjoni intensiva wara li ajruplan tal-Voepass li kien qed iġorr 61 persuna iġġarraf fl-istat ta’ Sao Paulo, il-Brażil u sfortunatament, dawk kollha abbord tilfu hajjithom.

Il-linja tal-ajru, Voepass, kienet inizjalment irrapportat li kien hemm 62 persuna fuq l-ajruplan, iżda aktar tard aġġornat in-numi – u indikat li kien hemm 57 passiġġier u 4 membri tal-ekwipaġġ.
Il-każ seħħ fil-muniċipalità ta’ Vinhedono, u l-ajruplan iġġarraf fuq dar.

Il-pulizija federali tal-Brażil bdiet l-investigazzjoni tagħha u bagħtet speċjalisti sabiex jinvestigaw dan it-tiġrif. Instabet ukoll il-kaxxa s-sewda tal-ajruplan, filwaqt l-awtoritajiet issiġillaw iz-zona.

Il-websajt FlightRadar24 kienet irrapportat twissija attiva għal “silġ qawwi” f’għoli ta’ bejn 12,000 pied u 21,000 pied. L-ajruplan kien qed itir f’17,000 pied qabel iġġarraf. B’filmati li dehru fuq il-media soċjali ixxokjaw lil bosta.

Il-Kurunell Carlos Henrique Baldi, miċ-ċentru għall-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-inċidenti tal-ajru, qal li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk is-silġ ikkawżax l-inċident.

Il-kumpanija ATR li timmanifattura dawn l-ajruplani ġiet infurmata bl-inċident f’Vinhedo. Dan filwaqt li l-President tal-Brażil Lula da Silva osserva minuta silenzju għall-memorja tal-vittmi.