B’reazzjoni għall-budget il-ġdid tal-films lokali mħabbar mill-Kunsill Nazzjonali għall-Arti, il-Partit Nazzjonalista jtenni li, għal darb’oħra, il-Gvern qed jgħaddi ż-żmien bil-produtturi lokali li jaħdmu u jiddependu mill-industrija tal-films.
Filwaqt li l-Gvern ħabbar li l-fond għal din l-industrija żdied, fir-realtà l-produtturi Maltin għandhom aċċess għal anqas fondi milli kellhom qabel.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li filwaqt li l-budget il-ġdid xorta mhux biżżejjed biex ikopri l-eżiġenzi tal-produtturi lokali, il-produtturi Maltin tal-films se jispiċċaw biex jieħdu ħafna anqas milli kienu jieħdu qabel.
Dan ikompli jikkonferma kemm l-industrija tal-films hi mifnija minn skandlu wara l-ieħor tant li l-Partit Nazzjonalista talab investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali dwar dan u, filwaqt li l-persuni li jħokku koxxa ma’ koxxa mal-Gvern involuti f’din l-industrija jibqgħu jitħanżru, għall-produtturi Maltin il-Gvern sab €1 miljun biss, filwaqt li naqqas l-allokazzjoni għall kull produttur minn kif kienet qabel.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern mhu jagħti l-ebda importanza lil din l-industrija iżda qiegħed biss iħalli persuni viċin tiegħu jitħanżru u jippużaw għall-gwadann personali tagħhom biss filwaqt li qed jipprova jpinġi stampa falza li ma turix ir-realtajiet veri li ta’ kuljum qed jiffaċċjaw il-produtturi Maltin u l-ħaddiema li jaħdmu f’din l-industrija, liema xogħol hu sostenn għall-eżistenza kummerċjali tagħhom u għall-familji tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista, kif sostna kemm-il darba, hu kommess li verament isaħħaħ din l-industrija u dan għax, filwaqt li l-produtturi Maltin u Għawdxin għandhom potenzjal u track record kbir f’din l-istess industrija, pajjiżna wkoll għandu potenzjal qawwi f’din l-industrija.
Il-Partit Nazzjonalista diġà tkellem ċar dwar dan kollu u hu kommess li jkompli jiddiskuti u jikkonsulta mal-istakeholders kollha, kemm dawk stabbiliti kif ukoll emerġenti, biex ikun ta’ appoġġ għalihom u joħloq politika tanġibbli għal dawk kollha li jaħdmu f’din l-industrija tant importanti għal pajjiżna u jassiguralhom xogħol f’dan is-settur.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra.
//= $special ?>