Fil-qbil settorjali tal-għalliema, il-Gvern Laburista kien wiegħed lill-għalliema li jagħtihom bonus ta’ darba ta’ €1,000 li ma jkunux taxxabli. U allura, dan ifisser li l-għalliema jkollhom f’idejhom l-ammont sħiħ imwiegħed.
Iżda, il-Labour għażel li minflok iżomm ma’ kelmtu, jisraq lil kull għalliem mal-€250. Dan wara li l-bonus intrabat mal-paga tal-għalliema b’riżultat li ġie taxxabli u b’hekk kien hemm tnaqqis sostanzjali ta’ 25%.
Dan ifisser li l-Gvern franka mat-€3 miljun. Kollha minn fuq dahar l-għalliema ta’ pajjiżna hekk kif wara li tahom dan ir-rigal, huwa reġa’ ħadulhom lura.
L-għalliema kienu ilhom sentejn u nofs jistennew li l-Gvern Laburista jżomm kelmtu magħhom wara kien wiegħed fil-manifest elettorali tiegħu żieda sostanzjali fil-paga tagħhom. U wara li ntlaħaq il-qbil settorjali, issa jidher li l-Gvern mhux qed iżomm kelmtu f’dan il-każ ukoll.
Bl-edukaturi u l-istudenti tagħna jispiċċaw fost il-ħafna vittmi ta’ dan il-Gvern li qed jibqa’ jwebbes rasu u jżomm idejh.