Minkejja t-theddida kontinwa ta’ gwerra totali li għandha tkopri r-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani, ma qatgħux xorta waħda l-isforzi diplomatiċi għal waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas.
Dan meta l-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar ħarġu stqarrija konġunta li fiha sejħu biex l-Iżraeljani u l-Ħamas jiftħu fażi ġdida ta’ negozjati dwar waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza…L-istqarrija titlob ukoll biex jinħelsu numru ta’ ostaġġi Iżraeljani li ilhom ix-xhur f’idejn it-terroristi.
Sar magħruf li t-tlett pajjiżi – ilkoll medjaturi fil-kunflitt – waslu għal ‘abbozz ta’ ftehim (għal waqfien mill-ġlied) li jonqsu biss konferma tad-dettalji għall-implimentazzjoni tiegħu’.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern Iżraeljan qal li se jibgħat ir-rappreżentanti għat-taħditiet proposti li suppost huma programmati għall-15 ta’ Awwissu (Jum Santa marija) u li jistgħu jsiru f’Doha inkella l-Kajr….Intant, ma kien hemm l-ebda tweġiba konkreta min-naħa tal-Ħamas.
L-ispinta fid-diplomazija anki qed titqies bħala tentattiv biex tonqos mit-tensjoni li laħqet livell akut madwar il-Lvant Nofsani kollu… Is-sitwazzjoni għadha imprevedibbli jiem wara l-assassinar tal-Kap politiku tal-Ħamas, Ismail Haniyeh, waqt li hu kien residenti f’Tehran, il-kapitali tal-Iran.
Ir-reġim Iżlamiku Iranjan għadu qed jakkuża lil Iżrael dwar il-qtil ta’ Haniyeh waqt li ħalef biex jivvendika ruħu mal-għadu antik – avolja l-Iżraeljani fl-ebda ħin ma assumew ir-responsabbiltà għall-eliminazzjoni tal-Mexxej tal-Ħamas.
Intant, l-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar iridu li Iżrael u l-Ħamas jaslu fi qbil finali dwar ‘it-teknikalitajiet’ li għadhom qed jostakolaw il-waqfien mill-ġlied f’Gaza. Fl-istess ħin, il-pajjiżi, bħala medjaturi, huma lesti biex jgħinu jirrisolvu l-issues li fadal u b’mod li jissodisfa lill-partijiet kollha.
L-istqarrija konġunta għandha l-firma tal-President Amerikan Joe Biden, il-President Eġizzjan Abdel Fattah al-Sisi u l-Emir tal-Qatar, Sheikh Tamim bin Hamad Al Thani.
//= $special ?>