Lokali

Il-midja mhux mistiedna għall-konferenza straordinarja tal-Labour

L-Eżekuttiv tal-Partit Laburista iddeċieda li ma jistidinx lill-midja u l-ġurnalisti għall-konferenza straordinarja li ssejħet għall-Ġimgħa.

Dan wara li l-Partit Laburista ħabbar li se tkun qed issir Konferenza Ġenerali Straordinarja sabiex jitpoġġew għad-diskussjoni emendi fl-istatut tal-partit fosthom il-possibbiltà li l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tkun tista’ tiġi kkontestata minn Membri Parlamentari.

Deċiżjoni li ma niżlet xejn tajjeb ma esponenti tal-Partit Laburista, fosthom l-eks MEP Josianne Cutajar, li ħarġet kontra dan il-pjan tal-Labour hekk kif qalet li ma jagħmilx sens li wieħed iservi bħala deputat mexxej fl-istess waqt li tkun deputat.

Dan kollu seħħ wara li l-ewwel Jason Micallef ikkonferma li se jikkontesta għal Deputy Leader Laburista, u ftit jiem wara ħabbar li se jkun qed iwarrab mit-tellieqa biex jimponu lil Alex Agius Saliba fuq Robert Abela.

Il-possibiltà ta’ tibdil fl-istitut qed tkun imposta fuq Robert Abela mill-klikka ta’ Joseph Muscat biex jimbuttaw lill-MEP Laburista, Alex Agius Saliba. Deċiżjoni oħra li ma niżlet xejn tajjeb ma’ uħud mill-membri tal-Kabinett.

U għalhekk ma kinitx sorpriża li l-midja ma kinitx mistiedna għal din il-konferenza straordinarja hekk kif mistenni kunflitt kbir bejn il-klikka ta’ Joseph Muscat u l-klikka ta’ Robert Abela. U b’hekk dan ma joħroġx fil-beraħ.

Kien propju Robert Abela li fl-2020 ddeċieda li ma jħallix Membri Parlamentari jikkonteestaw għall-irwol ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, biex issa, l-esponenti Laburisti qed ikomplu jieħduha kontra x-xewqat tal-mexxej tagħhom stess.

Fl-2016, Joseph Muscat kien fetaħ il-bieb għal Konrad Mizzi biex jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej meta dan kien Membru Parlamentari.

U issa, Robert Abela stess se jkollu jerġa’ jiftaħ il-bieb għal Membri Parlamentari, kemm dawk fil-Parlament Malti u anke dak Ewropew, wara pressjoni kbira li kellu minn tal-Labour. Sabiex issa jiġi imbuttat ‘il quddiem Alex Agius Saliba għal din il-kariga, wara li hu ma kellux pjaċir bl-eks Segretarju Ġenerali, Jason Micallef.

Sabiex l-istatut tal-Partit Laburista jinbidel, jeħtieġ li maġġoranza sempliċi taqbel ma’ din il-bidla.  Però huwa evidenti li mhux kulħadd jaqbel ma’ din il-bidla.

Fosthom l-eks MEP Labursita Josianne Cutajar, li hi nnifisha qed tikkunsidra li tapplika għal dan l-rwol.

Intant, qalb dan in-nuqqas ta’ qbil, il-laqgħa se tkun mingħajr media hekk kif Ramona Attard ħarġet tgħid li l-Labour irid jagħti spazju lid-delegati biex ikollhom il-libertà li jitkellmu.

Deċiżjoni li hi l-ewwel tat-tip tagħha hekk kif il-Konferenzi Ġenerali tal-partiti politiċi dejjem kienu bil-miftuħ għall-midja sabiex kull persuna tkun tista’ ssegwi pass pass dak kollu li jkun qed isir. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista saħansitra jxandar il-Konferenzi Ġenerali anwali sabiex ikun trasparenti.

Bil-Labour jagħżel li din id-darba jimxi mod ieħor, probabbilment minħabba d-diżgwid kbir li hemm fil-qalba tal-Partit Laburista. Biex b’hekk dan id-diżgwid ma joħroġx fil-beraħ.