Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kremlin imħasseb sew wara jum ieħor ta’ inkursjonijiet mill-qawwiet Ukreni

Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, fallew fl-isforzi biex jikkontrollaw l-inkursjonijiet tat-truppi Ukreni fir-reġjun ta’ Kursk. Fl-istess ħin, is-sorsi indipendenti qegħdin jikkuntestaw l-istqarrijiet ta’ Moska li s-sitwazzjoni hemmhekk tinsab taħt kontroll wara jiem konsekuttivi ta’ battalji intensivi.

Il-Kremlin u l-President Vladimir Putin akkost ta’ kollox ma jridux juru li l-invażjoni ta’ pajjiżhom mill-militar Ukren issa fetħet front tal-gwerra ġdid fl-art proprja tar-Russja….Intant qed jidher ukoll ċar li t-truppi Ukreni rnexxielhom jagħmlu l-avvanzi notevoli f’Kursk bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa.

Filwaqt li ma kummentax direttament dwar l-inkursjoni, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, insista li r-Russi mgħandhomx ikunu sorpriżi li qed iduqu ftit mill-effetti tal-gwerra …Fl-istess ħin kollox jindika li l-azzjonijiet tas-suldati ta’ Zelensky fir-Russja għandhom ikomplu matul il-ġranet li ġejjin.

Minkejja li l-awtoritajiet Russi, issa, ingaġġaw ir-riservi tal-Armata biex jirrilokaw lejn il-Punent ta’ Kursk, huma xorta mhumiex jirnexxilhom inaqqsu mill-ispinta tal-militar Ukren f’Kursk. Dan meta l-awtoritajiet Russi dikjaraw stat ta’ emerġenza qalb diversi zoni ta-reġjun –- u li fih innifsu jindika li rnexxiet l-inkursjoni sorpriża tal-Ukreni.

Ir-rapporti qalu li t-truppi Ukreni kienu qed jikkonsolidaw il-pożizzjonijiet fl-artijiet tar-Russja li jinsabu talanqas għaxar kilometri ‘il bogħod mill-fruntiera tal-Ukrajna….Sitwazzjoni li hi wkoll embarazzanti ħafna għal Putin u l-kollegi fil-Kremlin – bil-Gvern Ukren għadu mhux joħroġ l-istqarrijiet uffiċjali dwar is-sitwazzjoni f’Kursk.

Bażi tal-ajru tar-Russi attakkat bid-drones

Sadanittant il-militar Russu u l-Kremlin jinsabu fi stat ta’ xokk wara li l-Ukreni fetħu baraxx fuq il-bażi tal-ajru ta’ Lipetsk ( fir-Russja) li sfat attakkata b’numru sinifikanti ta’ drones…Attakki li kaġunaw diversi splużjonijiet u li ħallew kaos assolut fl-inħawi.

Ir-rapporti qalu li l-Ukrajna kienet ilha tippjana għal sitwazzjoni fejn tkun tista’ twettaq dawn it-tipi ta’ attakki fuq il-militar Russu – u meta d-drones, fost oħrajn, qerdu maħżen fejn kien hemm stivati l-mijiet tal- bombi ta’ preċiżjoni li suppost kellhom jintużaw waqt il-bumbardamenti tal-ibliet Ukreni.

U għalkemm il-pajjiżi tal-Punent – alleati tal-Ukrajna – ilhom jinkwetaw dwar eskalazzjoni tal-kunflitt fl-Ukrajna, il-konsensus ta’ dawn il-pajjiżi, issa, hu li l-azzjonijiet tal-Ukreni f’Kursk huma ‘parti minn strateġija ta’ difiża leġittima’.