Lokali Qorti

Jinżamm arrestat il-Kolumbjan mixli li fera’ tfalja minn pajjiżu

Fabian Medina Paira ta’ 21 sena, huwa Kolumbjan li allegatament fera’ bi flixkun imkisser lit-tfajla Kolumbjana ta’ 25 sena, f’”rocky beach” f’San Ġiljan ma wieġeb għall-ebda domanda li saritlu mill-Qorti meta tressaq kmieni l-Ġimgħa wara nofs inhar.

Huwa ġie mixli b’attentat ta’ qtil, liema delitt ma seħħx minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu. Ġie mixli wkoll li kkaħuna feriti gravi fuq il-vittma u li kellu fil-pussess tiegħu arma li taqta’ u bil-ponta.

Il-Qorti skont il-liġi qieset li l-akkużat mhux qed jammetti għall-akkużi miġjuba kontrih peress li esegwixxa d-dritt tiegħu li jibqa’ sieket. Dan minkejja li l-Ispettur xehed li r-raġel ingħaraf b’mod ċar f’wieħed mill-filmati tal-akkwata li fih jidher qed jaggredixxi lit-tfajla. Ħareġ ukoll li -pulizija rrizultalha wkoll li l-akkużat u l-vittma ma jafux lil xulxin.

L-inċident seħħ nhar l-Erbgħa, għall-ħabta tal-10am. fejn minbarra l-akkużi tal-attentat ta’ qtil, feriti gravi u arma, ġie mixli wkoll li kkaġuna ħsara fil-ġisem tat-tfajla bi strument li jaqta’ u li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi semgħet ukoll li t-tfajla sfat feruta serjament u kienet f’periklu li titlef ħajjitha. Illum il-qagħda tagħha hija waħda stabbli. Hija kellha tiġi operata b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li kellha żewġ feriti kbar f’sidirha allegatament magħmula mill-akkużat meta aggredieha bi flixkun tal-ħġieġ.

Fabian Medina Paira ġie arrestat f’parkeġġ f’Pembroke, wara li xi persuni li kienu fuq il-post tal-aggressjoni taw deskrizzjoni ċara tal-akkużat li nlemaħ fil-filmati tal-akkwata. Id-difiża ma talbitx għal ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq it-tfajla u l-familjari tagħha. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Kaylie Bonett u Martina Muscat f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-ispetturi Shawn Pawney u Nico Zarb. Għal Kolumbjan deher l-avukat Mark Busuttil.