Lokali

“Konfermat il-ħabi tal-Enemalta u l-gideb tal-Partit Laburista” – PN

Nhar it-Tlieta 30 ta’ Lulju, għal xi raġuni, l-isptar Mater Dei waqa’ fuq il-generators. L-għada, 31 ta’ Lulju l-Partit Nazzjonalista permezz tax-Shadow Minister Ryan Callus ħareġ stqarrija fejn żvela dak li ġara f’Mater Dei il-ġurnata ta’ qabel, u sostna li kawża tal-fatt li Mater Dei waqa’ fuq il-generators kienet minħabba instabbiltà li nħolqot fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-Enemalta.

Dan kien ifisser li minħabba n-nuqqas ta’ investiment fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-Enemalta, l-assi strateġiċi tal-pajjiż bħall-isptar Mater Dei huma f’periklu minħabba politika dilettanteska tal-Gvern Laburista.

Dan ħareġ minn stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għas-Saħħa, Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ryan Callus f’isem il-Partit Nazzjonalista, bl-istqarrija tkompli tgħid li sussegwentament, l-Enemalta ħarġet stqarrija tagħti l-impressjoni li dak li ġara f’Mater Dei ma kienx minħabba xi nuqqas fl-Enemalta.

Dan wara laqgħa bejn iż-żewġ Ministri tal-Enerġija u s-Saħħa, fejn intlaħaq qbil li Mater Dei jieħu t-tort biex l-Enemalta ma tidhirx kerha. Il-Partit Laburista ħareġ jgħid li l-istqarrija tal-Oppożizzjoni kienet gidba u intenzjonata biex toħloq allarm. 

Sussegwentament, ix-Shadow Minister Adrian Delia bagħat email lill-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta sabiex jikkonferma hu stess x’kienet il-kawża tal-fatt li t-Tlieta 30 ta’ Lulju, Mater Dei waqa’ fuq il-generators. Wara jumejn, il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei, l-Inġinier Kieth Attard ikkonferma (risposta annessa) dak li sostna l-Partit Nazzjonalista, ċioe, illi Mater Dei waqa’ fuq il-generators minħabba ċaqliq fil-vultaġġ. 

Din ir-risposta tikkonferma kif l-Enemalta qed tipprova taħbi l-fatti, f’konfoffa mal-Partit Laburista. 

Malta mhux gideb u ħabi għandha bżonn iżda Gvern ġdid b’viżjoni li hu kapaċi jsolvi l-problemi li ħoloq Gvern Laburista u li jerġa’ jagħti lura lill-Maltin pajjiż modern b’infrastruttura effettiva.