Lokali Qorti

Mixli li hedded lis-sieħba tiegħu b’sikkina

Senay Berhe ta’ 38 sena mill-Etjopja nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li ħebb għas-sieħba tiegħu li tiġi omm ibnu gewwa r-residenza tagħhom f’San Pawl il-Baħar. Huwa tressaq quddiem il-Maġistart Kevan Azzopardi, fejn ingħad li l-vittma rrapurtat lill-akkużat ġewwa it-taqsima tal-vjolenza domestika.

Hija allegat li l-Erbgħa filgħaxija qam argument bejnha u bejn l-akkużat dwar problemi finanzjarji relatati ma binhom ta’ 10 xhur. Meta l-mara provajt toħroġ mill-appartament, Berhe ġab sikkina mill-kċina u beda jheddidha biha filwaqt li qabadha minn għonqha u idha.

Jidher li l-aggressjoni seħħet quddiem it-tifla l-ohra tal-vittma li għandha disa’ snin. Bintha rnexxielha taħrab mill-appartament sabiex tikseb l-għajnuna għal-ommha mill-ġara. Għall-akkużi miġjubin kontrih, l-akkużat wieġeb mhux ħati.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara u l-familjari tagħha. Id-difiża talbet għal ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba li l-qorti għad trid tisma’ diversi xhieda b’rabta mal-każ. Il-Qorti ċahdet it-talba għal ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Christian Cauchi. Għall-akkużat deher l-avukat Mark Busuttil.