Neuropsychologist qalet fil-Qorti li Noel Azzopardi mir-Rabat li jinsab mixli bil-qtil taż-żagħżugħ Eric Borg ukoll mir-Rabat fl-ewwel tas-sena fl-istess lokalità għandu IQ baxx. Dan ħareġ fil-Qorti l-Ġimgħa hekk kif quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Azzopardi. Azzopardi li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Eric Borg ta’ 27 fi sparaturi b’senter.
In-neuropsychologist Kristina Bettanzama spjegat lill-Qorti l-irwol tagħha kien li tassesja il-funzjoni newro-kognittiva tal-akkużat li tinkludi il-memorja u l-attenzjoni tiegħu, u dan permezz ta’ intervisti miegħu kif ukoll mal-familjari tiegħu.
Qalet li l-assesjar ma kienx possibli ghaliex Azzopardi ghandu diffikultà kbira biex jifhem mistqosijiet jew rikjesti sempliċi li jkunu mitluba minnu. In-neuropsychologist ddikjarat li minn osservazzjonjiet li għamlet fuq l-akkuzat ta’ 40 sena, x’aktarx għandu dizabilità fit-tagħlim minħabba li rriżulta li għandu IQ baxx ħafna.
Qalet ukoll li Azzopardi possibilment għandu wkoll l-kundizzjoni tal-awtiżmu, u li qatt ma ġiet determinata.
Ir-raġel akkużat li spara fatalment lil Eric Borg fir-Rabat fl-Ewwel tas-Sena kien qatta’ tliet xhur fi sptar psikjatriku fl-2012, kien qed jiġi kkurat għal imġieba aggressiva u li ta’ spiss kien jitlef it-tempra. Quddiem il-maġistrat Marseanne Farrugia l-Ħamis kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Noel Azzopardi li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Borg fi Triq Fidloqqom, fl-inħawi tan-Nigret tar-Rabat fl-1 ta’ Jannar.
Azzopardi qed jiġi mixli li qatel liż-żagħżugħ permezz ta’ żewġ tiri ta’ senter fit-3.30pm. L-espert mediko-legali Mario Scerri kien xehed f’seduta preċedenti li kien inħatar biex jassisti fl-inkjesta mill-maġistrat inkwerenti, fejn kien qal li mar fuq il-post.
Scerri kien qal li nnota żewġ skrataċ tas-snieter eżawriti, wieħed ħdejn sieq Borg, qal, kif ukoll feriti fuq dahru u fuq in-naħa tal-lemin ta’ żaqqu. Scerri qal ukoll li kien wettaq eżami aktar komprensiv tal-katavru wara li ġie trasferit fil-kamra mortwarja. Huwa skopra tbenġila fuq wiċċ Borg, li qal li x’aktarx kienet ikkawżata meta ġismu kien ħabat mal-art.
Il-ferita f’dahar Borg kienet tindika li l-isktrataċċ tax-shotgun kienu bdew jinfirxu qabel laqtu l-katavru, li qal huwa kompatibbli mat-tir li jkun sparat mill-viċin iżda mhux f’kuntatt mal-vittma. Il-ferita f’żaqqu kienet ukoll sparata minn medda simili, huwa qal. Borg miet b’riżultat ta’ telf ta’ demm.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Godwin Scerri. Għall-parte ċivile qed tidher l-Avukat Micheala Giglio. Għal Noel Azzopardi qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi.
//= $special ?>