Internazzjonali

Renju Unit: Spinta fil-verdetti tal-qrati — iżda l-vjolenza fl-ibliet mistennija tkompli

Il-Gvern Britanniku jinsab lest għal kull eventwalità meta mistenni li l-mewġa ta’ protesti vjolenti jkomplu għaddejjin, is-Sibt u l-Ħadd, qalb iċ-ċentri tal-ibliet ewlenin.

Dan waqt li qed jitressqu dejjem aktar delinkwenti u kriminali oħra quddiem il-qrati fir-Renju Unit fi żmien tal-irvellijiet kontinwi…Irvellijiet organizzati mill-estremisti tal-lemin u  li ilhom il-jiem jiddominaw l-ibliet tal-Ingilterra u l-Irlanda ta’ Fuq,

Il-każi tal-vjolenza qed jinstemgħu b’urġenza u bl-Imħallfin anki qed jimponu sentenzi massimi ta’ tlett snin ħabs lill-aggressuri. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, qal mill-ġdid li kulmin ikollu sehem fl-irvellijiet għandu jistenna li jħallas għal għemilu skont il-ġustizzja.

Il-Gvern Britanniku qed jittama li l-ispinta fil-verdetti tal-qorti għandha tevita aktar inkwiet ‘il quddiem – u fost inkwiet li l-bidu tal-istaġun tal-futbol fir-Renju Unit għandu jixpruna dejjem aktar inċidenti vjolenti.

Il-mewġa tal-vjolenza mill-gruppi estremisti tal-lemin irrankat wara li ġuvni b’oriġini fir-Rwanda, fid-29 ta’ Lulju, qatel  tlett ibniet b’daqqiet ta’ sikkina waqt li huma kienu qed jieħdu sehem f’attività taż-żfin fil-belt ta’ Southport.