Illejla, id-deputat Rosianne Cutajar kienet minn tal-ewwel li waslet fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja li spiċċa sejjaħ Robert Abela minħabba l-pressjoni kbira li kien hemm mill-klikka ta’ Joseph Muscat.
Kienet din l-istess pressjoni li wasslet biex Abela kellu bilfors jiftaħ il-bieb lil Cutajar. Bid-deputat Laburista fl-ebda ħin ma tirringrazzjah jew esprimiet xi forma ta’ rikonoxximent lejh. Tant li f’messaġġ fuq il-media soċjali, ma semmietu imkien!
Rosianne Cutajar qalet li kien hemm vot unanimu favur ir-ritorn tagħha.
“Qatt ma abbandunajt lill-familja Laburista”. Dan filwaqt illi qalet li se tibqa’ taħdem fis-6 Distrett – l-istess wieħed li jikkontesta fih Robert Abela.
Intant, il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Labour saret bil-bibien magħluqa. U allura l-media ma setgħetx tirrapporta dwar l-inkwiet intern u l-qasma li hemm bħalissa fil-Partit Laburista.
Il-Konferenza kellha tiddiskuti l-emenda għall-istatut, sabiex deputat jew MEP jitħalla jikkontesta għal Deputy Leader għall-Affarijiet tal-Partit.