Sport Waterpolo

Sliema jerġgħu jirbħu kontra Neptunes f’dan is-sajf… appuntament kontra San Ġiljan fil-finali tan-knock-out

NEPTUNES VIDEOSLOTS…….. 10

SLIEMA FRANK SALT…………… 15

(2-1), (4-4), (3-7), (1-3)

Għat-tielet darba f’dan is-sajf, Sliema Frank Salt ħarġu rebbieħa fuq Neptunes Videoslots iżda din id-darba r-rebħa fissret passaġġ għall-finali tal-lum. Komplessivament kienet rebħa meritata minkejja li waslet wara nofs logħba mingħajr Giacomo Cannella.

Neptunes ma rnexxielhomx jibnu fuq it-tajjeb li għamlu fl-ewwel żewġ sessjonijiet u l-plejers li tilfu tul it-tielet sessjoni, ħallew impatt negattiv fuq il-prestazzjoni tat-tim. Huma jippruvaw ipattu għal din it-telfa billi jeliminaw lir-rivali eterni mis-semifinali tal-play-offs tal-kampjonat.

Neptunes kellhom vantaġġ ta’ 3-1 u 4-2 fit-tieni sessjoni sakemm doppjetta ta’ Liam Galea u gowl ta’ Cannella dawru r-riżultat favur Sliema. Reazzjoni minn Neptunes li reġgħu qelbu l-vantaġġ u daħlu jistrieħu 6-5 fil-vantaġġ.

Jordan Camilleri skorja t-tieni gowl personali u ta vantaġġ ta’ 7-5 lil Neptunes fit-tielet sessjoni. Sliema rkupraw id-distakk iżda Neptunes marru darbtejn oħra minn fuq sakemm wara d-draw skorjat minn Dino Zammit, segwew tliet gowls oħra, bl-aħħar tnejn jaslu fl-aħħar sekondi tas-sessjoni.

Dawn il-gowls xeqilbu l-miżien favur is-Slimiżi hekk kif Neptunes kellhom jirkupraw żvantaġġ ta’ 12-9 mingħajr Sam Gialanze, Jordan Camilleri u Jake Muscat li kollha kellhom il-logħba mitmuma fit-tielet sessjoni. Stevie Camilleri naqqas id-distakk iżda Jayden Cutajar wieġeb mill-ewwel minn man-up biex Andreas Galea għalaq il-logħba b’doppjetta.

Neptunes: A. Borg Cole, D. Kholod (2), S. Gialanze, G. Pace, J. Camilleri (2), L. Mallia, S. Camilleri (4), M. Castillo, J. Muscat (1), J. Bajada, A. Fenech (1), E. Mallia, M. Rossi, D. Bugeja

Sliema: N. Grixti, E. Schembri, L. Galea (4), J. Gambin (2), G. Cannella (1), B. Cachia (1), J. Cutajar (3), D. Rizzo, J. Brownrigg, A. Galea (2), Z. Mizzi, D. Zammit (2), M. Castillo, J. Cassar

Referees: Alex de Raffaele, Luca Bianco

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 11

SIRENS BUILD FITNESS……….. 8

(2-2), (2-1), (5-2), (2-3)

San Ġiljan JP Projects tħabtu iżda finalment eliminaw lil Sirens Build Fitness b’rebħa ta’ 11-8. Konfront missielet li fih San Ġiljan batew f’ħinijiet minnhom, b’mod partikolari minħabba l-prestazzjoni qalbiena ta’ Sirens. Aaron Younger kien id-differenza prinċipali fil-konfront.

San Ġiljan kellhom il-vantaġġ darbtejn fl-ewwel sessjoni iżda Sirens wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet. Huma saħansitra marru 3-2 minn fuq iżda gowls ta’ Matthew Zammit u Darren Zammit dawru l-vantaġġ favur il-Ġiljaniżi.

Fit-tielet sessjoni spikka Aaron Younger li l-ewwel kabbar il-vantaġġ għal 7-4 bi tripletta minn tiegħu u wara li Julian Chircop wieġeb għall-gowl ta’ Jeremy Abela, reġa’ skorja biex poġġa lill-Ġiljaniżi b’vantaġġ ta’ erba’ gowls qabel l-aħħar sessjoni.

Minkejja d-differenza, Sirens baqgħu jemmnu li setgħu jirkupraw iżda fiż-żewġ okkażjonijiet li naqqsu d-distakk, sabu lil Younger. L-Awstraljan wieġeb għall-gowl ta’ Daniil Merkulov u wara li Sirens naqqsu d-distakk għal 10-8, kien in-numru 5 Ġiljaniż li għalaq il-logħba fl-aħħar sekondi.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli, D. Tully, R. Caruana, A. Younger (7), M. Zammit (1), J. Bonavia, J. Zammit, J. Abela (1), N. Zammit (1), D. Zammit (1), N. Schiavone, G. Borg, G. Bonavia

Sirens: M. Bonello DuPuis, P. Serracino, J. Chircop (2), P. Borg (1), J. Cachia, K. Agius, D. Merkulov (1), I. Riolo, J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (1), M. Sciberras, M. Azzopardi (1), J. Parnis, M. Ortoleva

Referees: Peter Balzan, Max Gerasimov

Logħob li jmiss

Is-Sibt 10 ta’ Awwissu

Finali KO I Diviżjoni – Otters v Exiles 6.45pm

Finali KO Premier – San Ġiljan v Sliema 8.00pm