Internazzjonali

Spanja: Puigdemont ġie u telaq – bi sfida diretta lill-Gvern Soċjalista u l-pulizija

Il-Gvern Soċjalista ta’ Spanja spiċċa embarazzat bil-mod kif  Carles Puigdemont, il-Kap separatista Katalan li ilu s-snin jgħix f’eżilju, seta jirritorna f’pajjiżu għall-għarrieda…Sitwazzjoni fejn hu, fost oħrajn, seta jagħmel diskors politiku f’Barċellona qabel irritorna lura l-Belġju.

Puigdemont hu mfittex mill-awtoritajiet Spanjoli b’konnessjoni mat-tentattiv tiegħu, fl-2017,  biex jaċċerta minn Stat ta’ Katalunja indipendenti mill-kumplament ta’ Spanja. Intant, is-separatista, din il-ġimgħa, żgiċċa b’ċerta faċilità  lill-pulizija li ħarġet tfittxu malli saret taf li hu kien mar lura fi Spanja – u l-fatt li hu reġa’ telaq minn dan il-pajjiż mingħajr riperkussjonijiet jirrifletti ħażin ħafna fuq l-effiċjenza tal-Korp.

Fid-diskors qasir tal-Ħamis lill-mijiet tan-nies f’Barċellona, Puigdemont  għajjat diversi slogans favur ‘Katalunja ħielsa’ waqt li defenda d-dritt tal-Katalani biex jorganizzaw referendum għall-futur tar-reġjun tagħhom.

Sar magħruf ukoll li l-isfida ta’ Puigdemont damet għal tlett ijiem – mit-Tlieta sal-Ħamis – u meta l-Kap Kummissarju tal-Pulizija Katalana, Eduard Sallent, qal li hu ma kellu qatt l-informazzjoni speċifika dwar il-movimenti tas-separatista.

Sadanittant, ir-rapporti qalu li żewġ uffiċjali tal-pulizija spiċċaw arrestati fuq suspett li għenu lil Puigdemont biex jaħrab minn Spanja. Dan waqt li l-awtoritajiet qalu li l-Korp għandu jsegwi l-proċessi xierqa (minn aspett kriminali u amministrattiv) għal każijiet bħal dawn.

Qed ikun allegat ukoll li Puigdemont , waqt li kien fi Spanja, għamel użu ta’ karozza li hi proprjetà ta’ wieħed mill-uffiċjali arrestati – bil-Korp tal-Pulizija Spanjola qed tiċħad kategorikament li hi, f’xi ħin, kienet ‘qed tikkoopera’ mal-Kap separatista.