Min m’għandux kummenti, min jagħti x’jifhem li jbaxxi rasu għar-rieda tal-partit, min jgħid li jaqbel mar-ritorn tagħha u min saħansitra jgħid li l-apoloġija mitluba mill-Prim Ministru Robert Abela saret.
Fatt jibqa’ li fl-ewwel reazzjoni d-Deputati Laburisti mhux qed jaqblu fil-verżjoni tagħhom għall-fatt li wara aktar minn sena Rosianne Cutajar reġgħet qed tifforma parti mill-Grupp Parlamentari tal-Labour.
Il-Ġimgħa waranofsinhar Net News staqsa lill-Minsitri u Delegati Laburisti jaqblux mar-ritorn ta’ Cutajar wara li din kellha tirriżenja mil-Labour hekk kif ġew żvelati chats ma’ Yorgen Fenech f’liema kontenut ammettiet li kienet se titħanżer bħal ħaddieħor…fost oħrajn.

Id-deputat Rosianne Cutajar kienet minn tal-ewwel li waslet fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja li spiċċa sejjaħ Robert Abela minħabba l-pressjoni kbira li kien hemm mill-klikka ta’ Joseph Muscat.
Kienet din l-istess pressjoni li wasslet biex Abela kellu bilfors jiftaħ il-bieb lil Cutajar. Bid-deputat Laburista fl-ebda ħin ma tirringrazzjah jew esprimiet xi forma ta’ rikonoxximent lejh.

Intant ir-reazzjoni tal-Membri tal-Kabinett ta’ Abela kienet imħawda ħafna – bil-Ministru Michael Falzon ma jkollux kummenti, bis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tgħid li hi taqbel u li saħansitra Cutajar għamlet apoloġija…u l-Ministru Clifton Grima jisħaq li mhux kwistjoni ta’ apoloġiji.
Bosta kienu dawk fl-aħħar 24 siegħa li saħqu li tali deċiżjoni meħuda mill-Prim Ministru turi d-djgħufija ċara li għandu quddiem il-pressjoni tal-klikka ta’ Muscat – b’Abela dgħajjef u nuqqas ta’ kreddibiltà fil-leadership tiegħu – b’u-turn waħda wara l-oħra.
