Il-kurunell Etienne Scicluna, li għal dawn l-aħħar 4 xhur serva bħala COO għall-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi mistenni jitqiegħed bħala Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li għal darb’oħra l-Minisru Byron Camilleri reġa’ spiċċa bi pressjoni qawwija dwar id-direttur tal-ħabs.
Dan hekk kif wara l-fjask totali ta’ Alex Dalli u Robert Brincau, issa t-tielet direttur taħt it-tmexxija tal-Ministru Camilleri, ċioè Chris Siegersma, qed ikun ta’ problema għall-istess Ministru.
Net News huwa infurmat li Scicluna diġà qed iħejji l-ewwel passi tiegħu hekk kif l-istess sorsi saħqu li qed jibgħat xi nies minn tiegħu jduru mad-divisions qalb il-priġunieri u l-uffiċjali tal-ħabs.
Jidher li Siegersma jinsab komdu b’dan kollu tant li allegatament qed jixħet ir-responsabbiltajiet tiegħu fuq il-Kurunell Scicluna….bid-direttur ħafna drabi ma jitfaċċax ix-xogħol.
Intant, Svetlana Muscat, li fl-aħħar xhur kienet qed isservi bħala Kap tal-Istrateġija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, għadha fuq forced leave wara li allegatament irranġat biex isiru laqgħat fis-sigriet fil-ħabs stess, bejn Yorgen Fenech u xi negozjant ieħor.
Dan filwaqt li s-sitwazzjoni fil-ħabs sejra mill-ħażin għall-agħar b’nuqqas ta’ ventilazzjoni u ambjent degradanti.
B’reazzjoni għal dan kollu, il-Kurunell Scicluna saħaq ma’ Net News li għadu ma jaf b’xejn b’tali offerta li allegatament se tkun qed issirlu.
//= $special ?>