L-istatwa titulari ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun ser tkun esebita fil-Knisja ta’ Sant’ Andrea della Valle ġewwa Ruma, sabiex imbgħad bil-purċissjoni tittieħed il-Vatikan nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru.
Din l-okkażjoni unika ser tkun qed issir fis-sena tal-500 anniversarju tal-Ordni Teatini li waqqaf San Gejtanu stess fit-3 ta’ Mejju tal-1524. L-Ordni għadha imwaqqfa sal-lum, u għalekk ser ikunu qed isiru ċelebrazzjonijiet kbar mhux biss fil-Ħamrun però issa anke ġewwa Ruma u fil-Vatikan.
L-istatatwa artistika maħduma mill-artist Malti Karmnu Darmanin ser tkun qed tieħu sehem f’purċissjoni barra minn xtutna għall-ewwel darba fl-istorja tagħha.
F’kummenti li ta lil Net News il-Monsinjur Dun Anton Portelli, li qiegħed parti minn grupp ta’ nies li għamlu din il-ħolma possibli sostna li dan il-vjaġġ ilu għaddej għal dawn l-aħħar sentejn, bi preparamenti li ma waqfu qatt.
Padre Salvatore huwa l-Ġeneral tal-Ordni u kien preżenti fejn tkellem kif din kienet ukoll xewqa personali tiegħu, għal fatt li jaf kemm hi kbira d-devozzjoni tal-Ħamruniżi lejn San Gejtan. Padre Salvatore kien ukoll ħa sehem fil-purċissjoni tal-istatwa titulari fl-2017, fejn spejga kif nibtet l-imħabba għal Malta u l-poplu tal-Ħamrun.
Il-vjaġġ għandu jispiċċa fil-Bażilika ta’ San Pietru fejn ser tkun esposta għall-pubbliku għal numru ta’ ġranet, eżatt fiċ-ċentru tal-kristjanità.
Din is-sena wkoll fil-Ħamrun hemm ir-relikwa ewlenija huwa s-Salib ta’ San Gejtanu, l-istess salib li San Gejtanu kien jieħdu miegħu kull fejn kien imur.
//= $special ?>