Lokali

Kollox imħejji biex l-MEP Alex Agius Saliba jikkontesta għal Deputat Mexxej tal-Labour

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba se jkun qed jikkontesta għal Deputat Mexxej tal-Labour għall-Affarijiet tal-Partit.

Dan ġie kkonfermat mal-ġurnalisti mill-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Aġent Mexxej tal-Labour Charles Mangion meta pressat mill-media jekk jaħsibx li l-eventwali kariga għal Agius Saliba se tkun ta’ pressjoni fuqu peress li jgħix Brussell.

Dan kollu wara li l-Ġimgħa filgħaxija d-Delegati tal-Labour iddeċidew favur bidla fl-istatut u b’hekk Membru Parlamentari jew MEP jistgħu jikkontestaw għal tali kariga.

Fatt li ma huwa ta’ tiġdid xejn kif qed jipprova jpenġuha Robert Abela u sħabu iżda pjuttost deċiżjoni li teħodhom lura għal passat u kien Abela nnifsu li neħħiha minn kif kienet. Dan għaliex kien l-eks Mexxej Laburista li ħalla Deputat minn tiegħu jsir Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, ċioè Konrad Mizzi – b’Mizzi jkollu jitneħħa ftit tal-ġimgħat wara minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers u minfloku kien qiegħed lill-eks Ministru Chris Cardona.

Intant b’rabta ma’ din il-bidla l-aktar waħda voċifera kontriha mill-kamp Laburista kienet l-eks MEP tal-Labour Josianne Cutajar li saħqet li tali deċiżjoni ma tagħmilx sens – b’uħud mid-delegati jisħqu li se jappoġġjaw lil Agius Saliba, oħrajn qed jistennew lil min ħiereġ aktar…u l-Minority Leader Laburista tal-Kunsill Lokali tal-Furjana Sandra Sammut Hili ddeċidiet li ma tikkumentax.

Intant il-ġurnalisti preżenti quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista staqsew lil Alex Agius Saliba kif se jkun qed ilaħħaq b’pożizzjoni ta’ MEP, Viċi President tal-S&D u Deputat Mexxej tal-Labour…b’Saliba jisħaq li jkollu tlett ijiem fil-ġimgħa off.

Mistoqsi fuq il-kwistjoni tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, u l-fatt li ma vvotax minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela kien ċar fuq is-sostenn tagħha – Agius Saliba insista li ħadd ma qallu kif kellu jivvota u li hu baqa’ konsistenti man-narrattiva fil-kampanja elettorali….għad-differenza ta’ Abela.

U fid-dawl tal-fatt li kemm hu kif ukoll l-MEP Daniel Attard kellhom diżgwid qawwi ma’ Robert Abela dwar il-fatt li ħallew lil Joseph Muscat jirkbilhom il-karru elettorali….tant li lil Agius Saliba ma refalux siġġu fir-Rialtò fl-ewwel Mass Rally wara l-elezzjonijiet… inevitabbilment ġie mistoqsi dwar kif se jkun qed jaħdem fil-qrib ma’ Abela – bl-MEP Laburista jisħaq li l-lealtà tiegħu hija lejn il-Mexxejja Laburisti…inkluż Joseph Muscat.

Għaldaqstant Alex Agius Saliba, rinomat li ġej mill-klikka ta’ Joseph Muscat mistenni jibqa’ joħroġ għonqu għall-eks Mexxej Laburista – b’Robert Abela jkollu joqgħod fejn iridu huma.