Lokali

Robert Abela jħabbar li Randolph De Battista se jibagħtu ambaxxatur u mhux se jibqa’ Deputat

Il-Prim Minsitru u Mexxej Laburista Robert Abela kellu jċedi għat-talbiet tal-klikka ta’ Joseph Muscat.

Minkejja d-dikjarazzjonijiet li għamel fl-aħħar ġimgħat u xhur – f’24 siegħa kellu jibla’ diskorsu kollu – kemm fuq Jason Micallef kif ukoll fuq Rosianne Cutajar – u kien sfurzat jakkomoda l-appelli tal-faxxa tal-predeċessur tiegħu tant li biddel l-istatut għalihom.

Fl-aħħar jiem Robert Abela ra diversi riżenji minn ta’ madwaru – mid-Deputat Mexxej Daniel Micallef, sa bosta persuni f’Kastilja u ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fosthom Aleander Balzon, Ronald Vassallo, Claire Azzopardi, Nigel Vella, u issa l-konferma ta’ Randolph DeBattista minn Kap Eżekuttiv tal-Labour….b’Abela saħansitra jiżvela li dan tal-aħħar mhux se jibqa’ Deputat Parlamentari għax se jqiegħdu Ambaxxatur f’Ġinevra.

Randolph Debattista kien tqiegħed minn Abela nnifsu fil-Parlament b’co-option ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2022…wara li lanqas kien biss ikkontesta għal dik l-elezzjoni – biex issa għax jaqbillu ħeles minnu biex jintgħoġob mal-klikka ta’ Muscat li kull sinjal qed jidher ċar li poġġiet lil Abela dahru mal-ħajt.

Net News staqsa lil uħud mid-delegati Laburisti jekk jikkonfermawx is-sorsi fil-kuruturi tal-Labour li issa jmissha tirriżenja l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard…bid-delegati b’mod ċar jidher li mhux komdi jwieġbu.

Intant, mistoqsi fuq dawn ir-riżenji, u l-fatt li ħoloq pożizzjoni ġdida għal Jason Micallef –  Robert Abela saħaq li kulħadd għandu kontribut x’jagħti ironikament ġimgħa wara li ta’ x’jifhem li persuni li ilhom jimmilitaw fil-Partit huma parti mill-passat…u li l-arloġġ dejjem jimxi ‘l quddiem.

Intant, tul il-jum tal-Ġimgħa bosta baqgħu maħsuda għall-fatt li Abela fetaħ mill-ġdid il-bieb beraħ lil Rosianne Cutajar wara xhur jisħaq li kien qed jistenna apoloġija mingħandha – bl-introduzzjoni ta’ Cutajar fil-Labour, fost oħrajn, jiddeskriviha bħala tiġdid.

Mistoqsi b’insistenza mill-ġurnalisti preżenti dwar jekk għamlitx din l-apoloġija, li fl-aħħar mill-aħħar kienet dovuta lill-pubbliku…apoloġija pubblika li s’issa għadha ma waslitx, Abela insista li jinsab sodisfatt.

Mistoqsi minn Net News x’inbidel biex daħħal mill-ġdid lura fil-Partit lil Cutajar – Abela ħarab milli jwieġeb.

Bil-poplu, aktar minn sena wara, għadu qed jistenna li jsir jaf min kienu l-persuni indirizzati minn Rosianne Cutajar fic-chat ma’ Yorgen Fenech bħala dawk il-kulħadd li kienu qed jitħanżru u li kienet se tagħmel bħalhom u aktar importanti jekk irritornatx l-eluf ta’ ewro minn but il-poplu li skont l-NAO daħlithom minn impjieg fantażma mal-ITS.