Lokali

Angelo Gafà mhux jeskludi aktar arresti b’rabta mal-iskandlu tal-Vitals

Jgħid li ma kienx hemm evidenza skjaċċanti fil-konfront ta’ żewġ politiċi fl-iskandlu tal-liċenzji

Jien ma kellix viżibbiltà tal-bażi tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Korp qabel ma lħaqt Kummissarju tal-Pulizija – staqsu lill-predeċessuri tiegħi.

Hekk ta x’jifhem il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà mal-Malta Independent, f’waħda mill-ftit intervista one to one li qatt ta fl-aħħar 4 snin, meta mistoqsi jekk għandux jinvestiga l-predeċessuri tiegħu għalfejn ma investigawx numru ta’ skandli – fosthom tal-Vitals, Electrogas u Panama Papers.

Ironikament huwa ħarab milli jwieġeb minkejja li f’dak iż-żmien kien qed jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp.

Mistoqsi għalfejn il-Korp ma jagħmlu xejn quddiem uffiċjali għolja, partikolarment fil-politika – Gafà ċaħad dan u minflok attakka lill-ġurnalisti.

B’rabta mal-fatt li l-Pulizija tidher iebsa maż-żgħir u mhux ma’ dawn l-uffiċjali għolja l-Kummissarju qal li dawn id-dikjarazzjonijiet huma neqsin mill-oġġettività – dan filwaqt li insista li kull pass meħud mill-Pulizija b’rabta mal-inkjesta Vitals kienu meħuda fuq id-direzzjoni tal-Maġistrat Gabriella  Vella.

Dan filwaqt li stqarr li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u ma eskludiex li jsiru aktar arresti b’rabta mal-akbar frodi f’pajjiżna.

Mistoqsi għalfejn kellha tkun l-NGO Repubblika biex tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali u jsiru proprju l-arresti għal darb’oħra ħarab milli jwieġeb.

Ironikament pero qal li kieku seħħew fi żmienu bħala Kummissarju tal-Pulizija kien jirrikorri għand il-Maġistrat.

Intant, b’rabta ma’ skandlu ieħor dak tal-Liċenzji tas-Sewqan – fejn saħansitra kienu ġew żvelati chats tal-Ministru Ian Borg, Angelo Gafà żvela li ġew interrogati żewġ politiċi iżda saħaq li ma ttieħdux passi fil-konfront tagħhom għax s’issa m’hemmx evidenza soda li turi li wettqu xi reat kriminali.

B’rabta mal-proklama tal-benefiċċji soċjali deċiża mill-Kabinett ta’ Robert Abela, bil-barka finali tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono – il-Kummissarju ma tax l-opinjoni tiegħu u minflok farfar kollox fuq il-Gvern.

Intant, il-Kummissarju tal-Pulizija insista li huwa kburi bir-riżultat li l-Korp tal-Pulizija kiseb fl-aħħar snin taħt it-tmexxija tiegħu għaliex qed jiggarantixxi soċjetà sigura għal kulħadd.

Fl-istess waqt ikkonferma li l-Pulizija qed tinvestiga l-każi skandalużi f’IDENTITÀ.

U filwaqt li spjega li għad hemm numru ta’ nies li qed jiġu sorveljati b’rabta ma’ dan il-każ kull dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissarju tul din l-intervista uriet li l-Pulizija m’għandhiex saħħa fil-konfront tal-politiċi – iżda kellha tkun Maġistrat jew NGO biex jittieħdu passi neċessarji favur il-ġustizzja u l-verità.